Lokali

Numru rekord ta’ fkieren li faqqsu f’pajjiżna

COVID-19 seta' wassal għaż-żieda fil-fkieren!

Is-Sajf 2020 kien wieħed rekord għall-ammont ta’ fkieren tal-ilma baħar li faqqsu fuq il-bajjiet tal-Gżejjer Maltin … bin-numru sabiħ ta’ 305 fkieren żgħar.

B’kollox kien hawn sitt bejtiet, bi tnejn minnhom ma ġewx innotati qabel ma faqqsu, u b’hekk ma kellhomx protezzjoni bħall-bejtiet l-oħra li lejl u nhar kienu bl-għassa magħhom minn għadd ta’ voluntieri.

Bejn it-2 u t-3 ta’ Awwissu faqqsu 84 fekruna tal-ilma baħar mill-ewwel bejta fuq il-Bajja tar-Ramla l-Ħamra … l-ewwel darba wara 70 sena li l-Gżira Għawdxija esperjenzat avveniment bħal dan.

Fit-23 tal-istess xahar, voluntieri ta’ Nature Trust Malta qattgħu lejl mill-isbaħ fuq il-Bajja tar-Ramla tal-Mixquqa, hekk kif kienu preżenti waqt li 50 fekruna faqqsu u rħewlha lejn il-baħar biex jibdew ħajjithom! Umbagħad, jumejn wara, 26 fekruna oħra komplew ifaqqsu.

Settembru beda b’aħbar xejn sabiħa, hekk kif fit-3 tax-xahar, sfortunatament, il-fkieren kollha ta’ bejta li kien hemm fuq il-Bajja tal-Fajtata, f’Marsaskala, instabu kollha mejtin minn xi tfal li kienu qed jilgħabu bir-ramel. Din il-bejta ħadd ma kien jaf biha. U għalkemm fekruna waħda biss instabet ħajja, din ukoll mietet ftit minuti wara.

Tlett ijiem wara, fis-6 ta’ Settembru, dawk fil-Bajja Għawdxija tar-Ramla ħadu sorpriża liema bħalha, hekk kif spiċċaw jgħumu ma’ 58 fekruna tal-ilma baħar li kienu għadhom kemm faqsu … minn bejta oħra li wkoll ħadd ma kien jaf biha.

Imbagħad, bejn il-lejl tat-22 u 23 ta’ Settembru kienu 17-il fekruna tal-ilma baħar li faqqsu u rħewlha għall-bidu ta’ ħajjithom. Sfortunatament, 66 bajda oħra baqgħu ma faqsux kawża tal-ammont qawwi ta’ xita li għamlet.

U l-aħħar bejta għal dan is-Sajf kienet dik tas-7 ta’ Ottubru fuq il-Bajja tal-Għadira, fejn b’kollox faqqsu 70 fekruna żgħira minn 90 bajda.

Fis-snin l-imgħoddija, pajjiżna kien jara biss medja ta’ bejta kull sentejn, iżda din is-sena jidher li l-pajjiżi Ewropej kollha raw żieda drastika. Angelique Lofaro minn Nature Trust Malta spjegat ma’ NET News li hu maħsub li din iż-żieda waslet minħabba n-nuqqas ta’ xkiel minn vapuri, boat parties u nies li jżuru l-bajjiet minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Għas-snin li ġejjin, Angelique saħqet dwar l-importanza li dawk li jżuru l-bajjiet iżommuhom nodfa u ma jħallux ħofor jew kastelli tar-ramel qabel jitilqu, hekk kif dawn ikunu ta’ xkiel kemm biex il-fkieren ibejtu, kif ukoll biex iż-żgħar jaslu sal-baħar.