Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Rekord ta’ ftit anqas minn 13,000 każ ġdid ta’ COVID-19 fir-Russja

Ritratt: Bloomberg
Qegħdin jiddaħħlu miżuri ġodda f'bosta pajjiżi biex titrażżan il-pandemija fosthom fl-Iran, ir-Renju Unit u l-kapitali Spanjola, Madrid

Ir-Russja s-Sibt irreġistrat rekord ta’ każi ġodda ta’ Coronavirus f’24 siegħa, total ta’ 12,846, ftit aktar minn 700 każ aktar min-numru ta’ każi rreġistrati l-Ġimgħa biex it-total globali ta’ każi mill-bidu tal-pandemija qed iqarreb ftit ftit il-1.3 miljun persuna. Dan filwaqt li l-vittmi s-Sibt kważi telgħu b’200 f’24 siegħa għat-total globali ta’ ftit anqas 22,500 vittma.

Sitwazzjoni mwiegħra simili in kwantu ta’ mwiet għal tar-Russja hija dik fl-Iran hekk kif is-Sibt ġew irreġistrati ftit anqas minn 200 vittma bil-COVID-19 għal total ta’ madwar 22,300 imwiet. Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, ordna l-ilbies mandatorju tal-maskri fil-pubbliku fil-kapitali Tehran hekk kif il-pajjiż qed jaffaċċja t-tielet mewġa t’infezzjonijiet.

Fl-Awstralja, għalkemm fl-aħħar 3 ijiem ma ġewx irreġistrati mwiet ġodda, il-belt ta’ Melbourne qed taffaċċja sitwazzjoni mwiegħra ta’ lockdown hekk kif il-każijiet dejjem jiżdiedu t’infezzjonijiet qed ixekkluha milli terħi xi restrizzjonijiet.

Il-Gvern Spanjol iddikkjara stat ta’ emerġenza fuq medda ta’ 15-il ġurnata fil-kapitali biex jrażżan ir-rata ta’ infezzjoni f’Madrid u l-ibliet tal-madwar, b’7000 uffiċjal tal-Pulizija se jkunu qed jaraw li r-restrizzjonijiet jiġu infurzati, fosthom l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn u lejn Madrid.

It-Tnejn li ġej, il-Prim Ministru Brittaniku, Boris Johnson, mistenni jindirizza lill-Membri Parlamentari Konservattivi bir-restrizzjonijiet ġodda li se jidħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19 fl-Ingilterra, fosthom l-għeluq ta’ pubs u ristoranti fit-Tramuntana tal-Ingilterra u l-Midlands, fejn hemm numri kbar ta’ Coronavirus.

Fi sptar f’Edinburgh, fl-Iskozja, kellha tingħalaq sala tal-kanċer wara li l-virus għamel ħerba mill-pazjenti u anki ħalla vittmi filwaqt li fil-belt ta’ Exeter, fl-Ingilterra, aktar minn 80% tal-każijiet pożittivi huma attribwiti għal trażmissjoni tal-virus fost l-istudenti, biċ-ċifri jlaħħqu kważi l-440 persuna pożittiva għal 100,000 resident.

Intant, biex jitfakkar il-Jum Dinji għall-Mard Mentali, il-Kunsill Internazzjonali għall-Infermiera fi stqarrija qal li bosta infermiera li jduru b’pazjenti COVID-19 qed ibatu minn stress psikoloġiku kbir u anki jaffaċċjaw abbuż jew diskriminazzjoni wara l-ħin tax-xogħol. Dan apparti n-nuqqas kbir ta’ ilbies protettiv li kemm l-infermiera u ħaddiema oħra fil-kura tas-saħħa jesperjenzaw f’ċerti djar tal-anzjani.

U l-espert ewlieni Amerikan tal-infezzjonijiet, Anthony Fauci, attribwixxa l-cluster li żviluppa fil-White House għal festin li seħħ fis-26 ta’ Settembru biex titħabbar in-nomina ta’ Trump għall-Qorti Suprema, bi 11 li attendew jirriżultaw pożittiv.

Il-President Amerikan innifsu qiegħed jirkupra mill-Coronavirus, bid-dibatitu skedat għal nhar il-Ħamis mar-rivali Joe Biden jitħassar iżda Trump qed jittama li sa tmiem il-ġimgħa li ġejja, ikompli bil-kampanja tiegħu b’rally fi Florida.