Internazzjonali Lokali Saħħa

Tabib Malti ieħor onorat mir-Reġina Eliżabetta II

Minbarra t-tabiba Clare Gerada, li fl-aħħar jiem irċeviet it-titlu ta’ Dama  tal-Ordni tal-Imperu Brittaniku mir-Reġina Eliżabetta II bħala rikonoxximent għall-karriera medika mill-aqwa ta’ 40 sena fir-Renju Unit, it-tabib Ivan Muscat ukoll irċieva unur mill-monarkija Ngliża.

Ivan Muscat, li jservi fil-gżira Ingliża ta’ Jersey, irċieva l-unur ta’ Membru tal-Ordni tal-Imperu Ingliż.

Muscat kellu rwol kruċjali tul il-pandemija tal-Covid-19 hekk kif ħa fuqu r-responsabbiltà tal-ekwivalenti tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika f’din il-gżira.

L-unuri li ngħataw Clare Gerada u Ivan Muscat huma parti mill-unuri ngħataw fl-okkażjoni ta’ għeluq snin ir-Reġina lil persuni li għamlu kisbiet partikolari fir-Renju Unit.

Filwaqt li t-Tabiba Gerada hija esperti tas-saħħa mentali u fuq l-abbuż ta’ sustanzi, it-Tabib Muscat hu speċjalizzat fil-viroloġija u l-mard infettiv.