Ambjent Lokali

“Tispikka l-arroganza tal-Gvern meta ffirma ftehim minn wara dahar il-poplu”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li l-ftehim tal-Miżieb u l-Aħrax kellu l-ewwel jiġi skrutinzzat mill-imsieħba interessati kollha

“L-arroganza tal-Gvern kompliet tispikka meta bil-moħbi, kif imdorri jagħmel, il-Gvern iffirma ftehim dwar l-immaniġġjar tal-art pubblika tal-Miżieb u tal-Aħrax tal-Mellieħa qabel ma’ dan ġie ppublikat.”

Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, b’rabta mal-iżviluppi li seħħew il-Ġimgħa fuq il-fatt li l-Gvern iffirma dan il-ftehim jumejn qabel il-ġurnata skedata – iffirmar li sar bil-mohbi f’lukanda, flok fil-Miżieb, mingħajr ma sejjaħ il-ġurnalisti u l-media, bħalma jagħmel dejjem.

Dan sar magħruf permezz ta’ stqarrija mibgħuta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni l-Ġimgħa waranofsinhar fejn fir-ritratt jidhru l-Ministri Ian Borg, Clint Camilleri, Aaron Farrugia u Chris Agius jippresjedu l-iffirmar tal-ftehim fir-ritatti mibgħuta.

Bernard Grech saħaq li dan il-ftehim kellu jgħaddi minn skrutinju qabel ma jiġi ffirmat, bl-imsieħba interessati kellhom ikunu mal-mejda jiflu, jagħtu sehemhom u jesprimu t-tħassib tagħhom.

F’isem il-Partit Nazzjonalista…hu sellem ħidmet is-soċjetà ċivili u l-kunsilliera lokali li mill-ġdid kienu strumentali biex inħoloq għarfien dwar il-fatt li l-Gvern ta din l-art għall-€400 fis-sena biex xekkel l-aċċess għall-pubbliku; ħaġa inaċċettabbli għall-PN.