Internazzjonali

Wara għaxar sigħat ta’ diskussjonijiet, waqfien mill-ġlied f’Nagorno-Karabakh

Il-President Russu Vladimir Putin jidher li kien strumentali biex intlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajgan fir-regjun ta’ Nagorno-Karaback wara ġimgħatejn ta’ ġlied intensiv.

Il-kunflitt f’din iż-żona ilu għaddej madwar 25 sena, madankollu fl-aħħar jiem il-ġlied bejn iż-żewġ partijiet laħaq livelli aktar intensivi.

Diplomatiċi miż-żewġ pajjiżi qalu li dan il-waqfien hu intiż biex ikun hemm skambju ta’ priġunieri, u sabiex kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan jiġbru l-mejtin tagħhom.

Huma qalu li kienu se jagħtu aktar dettalji dwar dan il-waqfien mill-ġlied matul il-jum tas-Sibt.

Il-waqfien għandu jidħol fis-seħħ propju s-Sibt f’12.00pm.

Sabiex intalaħaq dan il-ftehim saru aktar minn għaxar sigħat ta’ diskussjonijiet bejn diplomatiċi f’Moska.

Sa issa hu maħsub li fl-aħħar jiem tilfu ħajjithom mat-300 suldat filwaqt li eluf kellhom iħallu kollox warajhom u jaħarbu miż-żona milquta mill-ġlied. Iż-żona ta’ Nagorno-Karabakh taqa’ taħt it-tmexxija ta’ grupp etniku Armeni iżda uffiċjalment tagħmel parti mill-Ażerbajġan.