Lokali

Arrestati żewġ Taljani b’rabta ma’ serqa f’San Pawl il-Baħar

Żewġ irġiel ġew arrestati wara li fit-8 t’Ottubru għall-ħabta tas-18.45 daħlu jisirqu minn ħanut fi Triq il-Ħalel, f’San Pawl il-Baħar.

Dan wara li l-investigazzjonijiet b’rabta mas-serqa li seħħet erbat ijiem ilu minn ħanut fi Triq il-Ħalel, f’San Pawl il-Baħar issoktaw fl-aħħar sigħat.

Wara informazzjoni li nkisbet u li waslet biex ġew identifikati l-allegati ħallellin, tard ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan it-Taqsima tar-Reati Maġġuri, ċċirkondaw appartament fi Triq iċ-Ċerna, f’San Pawl il-Baħar. Malli l-Pulizija daħlu ġewwa, hemmhekk sabu liż-żewġ suspettati, raġel ta’ 39 sena u ieħor ta’ 36 sena.

Iż-żewġt irġiel ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet. Huma mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem illi ġejjin.