Internazzjonali

Elezzjoni għaċ-Ċiprijotti-Torok fost tensjoni akuta…

Ir-residenti fir-Repubblika separatista Torka lejn it-Tramuntana ta’ Ċipru qed jivvutaw għal mexxej ġdid, fost it-tensjoni akuta li għaddejja bħalissa f’din il-Gżira-Stat, fil-Mediterran.

F’din l-elezzjoni, il-President tar-reġjun, Mustafa Akinci, qed jikkuntesta kontra Ersin Tatar li qed jingħata appoġġ sostanzjali mingħand il-President tat-Turkija Recep Tayyip  Erdogan. Akinci hu favur ir-reunifikazzjoni ta’ Ċipru, li ilu mill-1974 maqsum f’entitajiet rivali għaċ-Ċiprijotti-Griegi u Ċiprijotti-Torok.

Il-vot fir-Repubblika Torka ta’ Ċipru – li hu rikonoxxut biss minn Ankara – sar tlett ijiem biss wara li suldati Torok reġgħu fetħu l-aċċess għall-belt ta’ Varosha, li hi mingħajr abitanti, għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. Il-pass wassal għal protesti fir-Repubblika ta’ Ċipru amministrata miċ-Ċiprijotti Griegi li jikkontrollaw maż-żewġ-terzi ta’ din il-Gżira-Stat, membru tal-Unjoni Ewropea.

Mal-200,000 fost it-300,000 resident tar-repubblika Torka separatista huma eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni.

Iċ-Ċiprijotti-Griegi, intant, huma partikularment irrabjati wara li Erdogan u Ersin Tatar, jiem ilu, ħabbru l-ftuh mill-ġdid tar-resort ta’ Varosha li fis-snin sebgħin kien jattira ħafna persuni ċelebri qabel spiċċa abbandunat mill-abitanti Ċiprijotti-Griegi meta l-militar Tork, fl-1974, invada t-Tramuntana ta’ Ċipru.

Il-President Akinci ikkundanna l-pass biex il-viżitaturi jidħlu mill-ġdid fiz-zona abbandunata ta’ Varosha bħala ‘indħil dirett tat-Turkija’ fl-elezzjoni għaċ-Ċiprijotti-Torok.