Lokali

Estradit minn Malta lejn il-Polonja

Fil-jiem illi għaddew, ċittadin Pollakk ta’ 28 sena ġie estradit minn Malta lejn il-Polonja sabiex iservi sentenzi ta’ reati b’rabta ma’ diversi każijiet ta’ serq li wettaq fil-Polonja bejn l-2010 u l-2011.

L-operazzjoni ta’ estradizzjoni tmexxiet mill-Pulizija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali. Il-Pollakk kien arrestat f’Birkirkara, nhar fis-27 ta’ Settembru, 2020, wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet.

Dawn wasslu biex ikun magħruf li r-raġel qiegħed jgħix Malta, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Awtoritajiet tal-Polonja. Huwa kien imfittex f’diversi pajjiżi Ewropej.

Jumejn wara l-arrest tiegħu, fid-29 ta’ Settembru, 2020, ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Polonja.

Huwa ta’ l-kunsens tiegħu sabiex jiġi estradit, bil-Qorti ordnat li jingħata f’idejn l-awtoritajiet Pollakki. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Galea, mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.