Futbol Sport

Iktar każijiet ta’ coronavirus fil-futbol

Il-pandemija tal-coronavirus qed tkompli tippersisti u l-każijiet dejjem jiżdiedu. Dan jidher evidenti anke fil-futbol, fejn f’din il-waqfa ta’ ġimgħatejn mill-kampjonati lokali minħabba l-logħob internazzjonali, qed jinstabu iżjed plejers pożittivi.

Il-plejer ta’ Inter Ashley Young tħabbar mill-klabb li nstab pożittiv, hekk kif din l-aħbar tpoġġi iżjed f’dubju d-derby ta’ bejn Inter u Milan. Dan wara li fit-tim ta’ Conte nstabu każijiet oħra ta’ plejers, li huma Alessandro Bastoni, Milan Skriniar, Radja Nainggolan, Roberto Gagliardini u Ionut Radu. Milan sabu wkoll lil Matteo Gabbia li jinsab f’iżolament, filwaqt li Zlatan Ibrahimovic fieq mill-virus.

Iżjed każijiet mill-kampjonat Taljan huma Koray Gunter u Antonin Barak ta’ Hellas Verona, filwaqt li Udinese ħabbru ukoll każ imma ma kienx plejer. Barak instab pożittiv waqt l-impenji tiegħu mar-Republika Ċeka, fejn lagħab ukoll il-partita kontra Ċipru nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-plejer ta’ Liverpool Naby Keita wkoll instab pożittiv waqt li jinsab mat-tim nazzjonali tal-Guinea.

It-tim tal-Irlanda sabu plejers pożittiv ftit siegħat qabel il-partita kontra Wales. Dan sforża erba’ plejers oħra li kellhom kuntatt dirett ma’ dan il-plejer biex imorru f’iżolament u ma jieħdux sehem fil-logħba. Nir Bitton tal-Iżrael u ta’ Celtic ukoll instab pożittiv.

Fuq aħbarijiet oħra, Marcus Rashford ta’ Manchester United ingħata l-MBE award mingħand ir-reġina tal-Ingilterra għas-serviżż tiegħu mat-tfal vulnerabbli fl-Ingilterra waqt il-pandemija tal-coronavirus. Hu assigura li t-tfal jirċievu ikel b’xejn tul is-sajf kollu.