Internazzjonali

Il-konflitt f’Nagorno-Karabakh: It-tamiet għall-paċi jieħdu daqqa ta’ ħarta fost bumbardamenti ġodda

epa08708499 A handout photo made available by the Armenian Defense Ministry on 30 September 2020 on its official website shows armenian soldier during military clashes with Azeri army along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic (also known as Artsakh). Armed clashes erupted on 27 September 2020 in the simmering territorial conflict between Azerbaijan and Armenia over the Nagorno-Karabakh territory along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic. EPA-EFE/ARMENIAN DEFENCE MINISTRY HANDOUT BEST QUALITY AVAILABLE HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

L-aħħar rapporti mir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh irreferew għal waqtiet ta’ ġlied ġodda – b’mod partikulari bumbardamenti – bejn il-qawwiet tal-Armenja u l-Ażerbajġan; bl-iżviluppi jseħħu sigħat biss wara li daħal fis-seħħ ftehim għall-waqfien mill-ostilitajiet.

L-istampa tal-Armenja qalet li l-belt ta’ Stepanakert, il-kapitali ta’ Nagorno-Karabakh, intlaqtet minn balal tal-artillerija, waqt li l-Ażeri sostnew li l-inħawi ta’ Ganja ntlaqtu mill-ġdid mill-missili sparati mill-militar tal-Armenja.

F’Ganja, blokk ta’ appartamenti spiċċa kompletament meqrud ‘wara li ntlaqat direttament minn missila tal-Armeni’. L-uffiċjali lokali sostnew li seba’ residenti mietu fl-attakk li ħalla wkoll għexieren ta’ midruba. Madankollu, l-Armenja qed tiċħad kategorikament li wettqet l-attakki fuq iz-zoni okkupati minn ċivili. Dan meta l-Armeni u l-Ażeri, fl-aħħar sigħat, akkużaw lil xulxin bħala ‘l-aggressur responsabbi minn aktar bumbardamenti’.

L-akkużi mhumiex jonqsu minkejja li  ż-żewġ Stati rivali — wara ġimgħatejn ta’ battalji ħorox – fi tmiem il-ġimgħa qablu biex jidħlu fi ftehim għal waqfien mill-ġlied temporanju, fost taħditiet li kienu għaddejjin f’Moska ( fir-Russja).

Sadanittant, Arayik Harutyunyan, li hu l-mexxej tar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, qal, il-bieraħ, li s-sitwazzjoni ‘kienet xi ftit aktar kalma’ iżda għamilha ċara li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien xorta waħda fi stat prekarju.

Fl-istess ħin, il-ftehim jippermetti biex l-Armenja u l-Ażerbajġan jidħlu fi skambju ta’ priġunieri waqt li jirkupraw il-katavri tal-vittmi tal-aħħar ġlied.

L-aħħar fażi tal-konflitt li bdiet fis-27 ta’ Settembru ħalliet ‘il fuq minn 300 mejtin u eluf ta’ refuġjati, meta l-Armenja u l-Ażerbajġan – it-tnejn eks Stati Sovjetiċi – qegħdin ikomplu jakkużaw lil xulxin bħala l-ixprun wara l-agħar vjolenza fir-reġjun għal għexieren ta’ snin.

Filwaqt li r-Russja qed tawgura li l-Armenja u l-Ażerbajġan jidħlu, issa, għal taħditiet ‘sinifikattivi’, il-Ministeru Armen għall-Affarijiet Barranin qal li taħditiet bħal dawn ‘se  jkunu diffiċli’ u li l-Armenja trid li Nagorno-Karabakh (immexxi mill-Armeni etniċi) ikun iddikjarat bħala Stat indipendenti.

Mill-banda l-oħra, il-Gvern Ażeri qed jgħid li ‘l-Armenja ma kenitx suġġetta għal biżżejjed pressjoni’ waqt it-taħditiet f’Moska u li s-sitwazzjoni f’Nagorno-Karabakh ma tistax tibqa’ kif inhi.