“Kruċjali. B’kelma waħda nista’ nwieġeb id-domanda dwar l-importanza tal-kuntatt man-nies u li nieħdu l-mistoqsijiet tan-nies miġbura hawnhekk. (…) Illum għandna din l-attività, minkejja l-pandemija. Xorta organizzajnieha!”
Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ħadd filgħodu għażel li xorta waħda jigbor lill-partitarji Laburisti f’Ħal Balzan għal attività politika, li fiha, id-Deputat tiegħu u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ma deher imkien:
“Irnexxielna nibqgħu ngħixu l-ħajja ta’ kuljum.”
B’dawn il-messaġġi fl-eqqel ta’ splużjoni ta’ każijiet pożittivi, Robert Abela qed jinjora s-sejħa tal-poplu Malti kollu biex idaħħal aktar miżuri li jikkontrollaw l-imxija tal-virus. U wera b’mod car li mhux lest jiddikjara emergenza tas-sahha pubblika.
“Li ngħidu, ‘Ejja niddikkjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali ta’ saħħa, ħa ndaħħlu l-biża!’ Bil-kontra. (…) It-triq ’il quddiem hija li nagħlqu l-ajruport? Ir-risposta hija le! (…) Aħna ħa naraw li kemm jista’ jkun ma jkollniex wasliet ta’ nies li jkunu infettati.”
Il-verità hi li pajjizna għad għandu rotot tal-ajru diretti lejn destinazzjonijiet li jinsabu f’emerġenza medika, bħall-kapitali Spanjola, Madrid, mingħajr obbligazzjoni ta’ kwarantina, u b’riskju għoli t’infezzjoni.
Fuq l-iskejjel, il-Mexxej Laburista qal li d-deċiżjoni hija irriversibbli.
“Deċiżjoni li żgur hija waħda irriversibbli.”
U hawn, Robert Abela uża l-istess frażi li qed jużaw s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u l-Ministru Owen Bonnici – biex in-nies, jagħmlu kuraġġ.
“Tajna l-għażla lill-ġenituri. Hija responsabbiltà ta’ kull ġenitur jekk jibgħatx it-tfal tiegħu l-iskola jew le. (…) Lil dawn il-ġenituri jien nagħmlilhom kuraġġ!”
Din l-attività politika kienet ikkaratterizzata minn attakki sfrenati kontra ħaddiema bħall-infermieri.
“Jiena nappella lil dawk l-infermieri Laburisti li joħorġu bħalma ħriġna aħna meta kien hemm l-istrajk tal-għalliema, jagħtu l-għajnuna tagħhom ħalli l-Moviment jibqa’ miexi ’l quddiem.”
L-attività ġiet indirizzata ukoll mid-Deputat Mexxej Laburista, Daniel Micallef li ħadha qatta bla ħabel kontra l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, li ssir konferenza nazzjonali fuq l-immigrazzjoni u l-popolazzjoni.
“Irrid ikollna distinzjoni netta bejn l-immigrant u l-immigrazzjoni.”
Micallef staqsa ukoll lill-Partit Nazzjonalista minn fejn kien se jġib il-flus għas-saħħa:
“Nixtieq nara ħaddieħor minn fejn kien isib mijiet ta’ miljuni mhux previsti biex jiġu investiti fis-settur tas-saħħa.”
Iżda Micallef naqas milli jgħid li l-Gvern qed jisraq lill-poplu Malti kwart ta’ miljun ewro kuljum bid-deal tal-Vitals u l-Oppożizzjoni ilha xhur tahdem biex tħassar dan il-ftehim, tant li infethet kawza l-Qorti mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Intant, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, provat titfa’ dubji fuq is-sistema tat-teleworking.
“Il-fatt li jiena nagħżel li nuża telework, qed iċaħħadni milli navvanza fil-karriera tiegħi? Il-fatt li ma jkollix preżenza fl-uffiċċju qed iċaħħadni milli jkolli pożizzjoni ogħla fuq il-post tax-xogħol?”
Hija qalet ukoll li l-Labour huwa l-partit favur il-ħajja
“Aħna l-vera partit favur il-ħajja.”
Dan f’tentattiv iddisprat biex tipprova ittaffi xi ftit mill-ħsara kbira li għamlu din il-ġimgħa d-dikjarazzjonijiet tal-eks Prim Ministru, Joseph Muscat.
“Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nemmen li ma nistax inkun jien li niddeċiedi għall-mara, minkejja d-dritt tat-tarbija li għadha ma twilditx.”
Eks Prim Ministru li jibqa’ jsib l-appoġġ tal-magna Laburista.
“Lil Joseph Muscat insellimlu għat-12-il sena servizz li taha lill-pajjiż u lill-partit.”
Dan meta Joseph Muscat jibqa’ imfakkar għall-unur personali li kiseb, tal-Politiku l-Aktar Korrott għas-Sena 2019.
//= $special ?>