Lokali

“Il-qalb li tħabbat fil-finanzi tal-partit” – Bernard Grech

“Nirringrazzjakom tad-donazzjonijiet, dawn huma l-qalb li qed tħabbat fil-finanzi tal-partit.” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi bit-tema ‘Ningħadu, Niġġeddu u Nirnexxu.”

Bernard Grech saħaq li meta tiltaqa’ man-nies huma jikkomunikawlek it-tama u l-aspettativa li jixtiequ l-affarijiet imorru ‘l quddiem. “B’umiltà aċċetajt dan is-servizz u qed nibda din il-ħidma, ġimgħa sabiħa ħafna li fiha ħadna l-ewwel deċiżjonijiet biex anke bdejna ntejbu l-operat.” Il-Kap tal-PN fakkar li tul din l-ewwel ġimgħa iltaqa’ darbtejn il-Grupp Parlamentari fejn saħaq li t-team qed ikompli jingħaqad, “qed ngħati kas lil dawk il-pesuni li għadhom ftit imweġġgħin. Dak huwa l-mod ta’ kif nimxu ‘l quddiem. Partit b’saħħtu biex ikollna pajjiż aħjar.”

Bernard Grech kien mistoqsi dwar l-aħħar stħarriġ li ħareġ mill-Malta Today fejn saħaq li minkejja li “bla dubju dejjem ikun fadal xi jsir, mixjin fid-direzzjoni t-tajba, b’umiltà nilqa dan is-survey, huwa inkoraġġanti li diġa rajna d-distakk jonqos pero dan ma jfissirx li wasalna u rridu nieqfu imma jfisser li issa għandna iktar enerġija, ħeġġa u entużjazmu biex naħdmu biex il-partit iżid fil-popolarità u jkun iktar b’sahhtu fil-fiduċja ta-nies għax hekk biss jista’ joffri li jkun gvern alternattiv.” Il-Kap tal-PN qal li “kull partit qiegħed hemm biex jagħmel il-politka biex jakkwista il-fiduċja tan-nies biex bil-kredibiltà tiegħu jintgħażel imexxi il-pajjiż. Bernard Grech saħaq li din hi “aħbar tajba li ttina l-kuraġġ li nkomplu naħdmu għaliex flimkien nistgħu nirnexxu.”

Fost l-oħrajn il-Kap tal-PN tkellem dwar il-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Robert Abela fejn stqarr li jifhem li l-Prim Ministru mhux komdu anke għaliex l-aħħar stħarriġ jitkellem waħdu. Madanakollu Bernard Grech offra l-id tal-ħbiberija “biex nagħmlu ġid lill-pajjiż. Il-politka ma ssirx bil-bullying imma bl-ideat u billi insibu s-soluzzjonijiet.” Il-Kap tal-PN qal li “jekk Robert Abela m’għandux soluzzjonijiet ma jimpurtax, għaliex il-PN għandu s-soluzzjonijiet fosthom pre-budget document biex nibnu politka li biha ngħinu lill-Partit Laburista jigverna aħjar.”

Finalment Bernard Grech appella lill-Gvern biex ma jinsiex lil dawk li bħalissa qed isibuha diffiċli jlħħaqu mal-ħajja.