Il-Partit Nazzjonalista llum se jkun qed jorganizza Maratona Ġbir ta’ Fondi. It-tema tal-Maratona tal-lejla li għandha tibda fl-4pm hi “Ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu” , bl-iskop tagħha hu li tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.
Intant f’messaġġ il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li kif kien wiegħed huwa ppubblika l-audit dwar l-inizjativa ta’ crowdfunding u l-infiq tal-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta’ Kap.
Huwa radd il-ħajr għal din l-inizjattiva, u qal li hu personalment se jkun qed jippreżenta donazzjoni ta’ madwar €15,000 fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi.
Fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lit-Tesserati u lill-partitarji li bis-saħħa tagħhom, l-inizjattiva ta’ crowdfunding laħqet il-mira ta’ €50,000 fi ftit jiem. Bernard Grech qal li jinsab sodisfatt li minn din l-inizjattiva, fl-aħħar mill-aħħar se jgawdi wkoll il-Partit Nazzjonalista.
Il-Viċi Kapijiet tal-Partit, David Agius u Robert Arrigo appellaw sabiex kulħadd ikun ġeneruż u jipparteċipa bis-sħiħ, hekk kif bl-użu għaqli tad-donazzjonijiet, se jkompli jsir investiment fil-media tal-Partit Nazzjonalista biex jitwassal l-aqwa servizz.
//= $special ?>