Internazzjonali Knisja

Iż-żagħżugħ Carlo Acutis ibbeatifikat f’Assisi

Ritratti: AP & Djoċesi t'Assisi
It-Taljan, li kien jipprogramma l-kompjuters, xandar l-ewkaristija u l-evanġelju permezz tal-mezzi soċjali u l-internet

Il-programmer żagħżugħ Taljan tal-kompjuters, Carlo Acutis, li fl-2006, fl-età ta’ 15-il sena miet fi sptar f’Monza b’leukemia, is-Sibt kien ibbeatifikat bil-Bażilika ta’ San Franġisk f’Assisi, fejn hu midfun.

Acutis, li huwa l-iżgħar beatu ta’ żmienna, huwa pass eqreb biex isir qaddis u diġà qed jitqies bħala l-qaddis patrun tal-internet hekk kien ikkrea website biex jarkivja avvenimenti meqjusa bħala mirakli u ħa ħsieb ukoll websites ta’ diversi għaqdiet tal-Knisja.

Minn età żgħira, tgħallem joħloq kodiċi minn ktieb universitarju tax-xjenza teknoloġika u maż-żmien tgħallem ukoll jagħmel il-muntaġġ ta’ filmati kif ukoll joħloq l-animazzjoni.

L-internet użah b’responsabbiltà biex ixandar ‘l-Evanġelju ħalli jilħaq kemm jista’ jkun nies, skont il-Kardinal Agostino Vallini fl-omelija tiegħu fiċ-ċeremonja tal-beatifikazzjoni, fejn anki qara d-digriet tal-Papa Franġisku.

Fiċ-ċeremonja, li għaliha kienu preżenti l-ġenituri Taljani tiegħu Andrea Acutis u Antonia Salzano, inkixef l-arazz bix-xbieha daħkana taż-żagħżugħ liebes flokk aħmar, b’xahar innuklat u mdawwra b’dijadema.

Il-Ħadd imbagħad fil-Vatikan, il-Papa fakkar liż-żagħżugħ, li kien twieled Londra fl-1991 u trabba f’Milan, bħala wieħed li ħabb l-Ewkaristija u bl-eżempju tiegħu, żgħażagħ oħra jistgħu jsibu l-ferħ f’ħajjithom billi jqiegħdu lil Alla l-ewwel f’ħajjithom u jservuh, anki jekk il-ħajja timpedihom milli fiżikament jagħmlu dan.

Jidher li din l-imħabba ssawwret fih minn eta tenera hekk kif ta’ 3 snin, kien jitlob lill-ġenituri tiegħu, li ma kinux Insara prattikanti, biex iżur il-knejjes ta’ Milan, b’ommu tgħid li fih kellu inklinazzjoni għall-affarijiet sagri minn età żgħira.

Il-Papa kien approva l-kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu meta approva miraklu attribwit għall-interċessjoni tiegħu meta tifel Brażiljan ta’ 7 snin fieq minn diżordni rari wara li miss relikwa minn flokk ta’ Acutis, b’ommu saħansitra anki qalet li fejjaq mara mill-kanċer bl-interċessjoni tal-Madonna ta’ Pompei.

Intant, meta infetaħ il-qabar tiegħu biex il-ġisem tiegħu jiġi vvenerat bħala relikwa fil-Bażilika ta’ San Franġisk, il-katavru tiegħu nstab kompletament integrali bl-organi kollha tiegħu biex għall-ewwel darba fl-istorja, qaddis se jkun ivvenerat f’jeans, tennis shoes u flokk.