Lokali

Miġbura s-somma ta’ €307,300 mill-Partit Nazzjonalista

F'dawn l-aħħar jiem, it-tesserati jiżdiedu b'madwar 550

Il-Ħadd waqt il-maratona Ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista bit-tema “Ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu” inġabret is-somma sabiħa ta’ €307,300.

Maratona li bdiet fl-4pm u li għalqet għall-habta tal-11pm – maratona li kienet l-ewwel waħda għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

F’din l-inizjattiva ġbir ta’ fondi, hu personalment preżenta donazzjoni ta’ madwar €15,000 li waslu mill-crowdfunding li kien nieda tul il-kampanja tiegħu.

Fl-istess maratona…il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu djalogu maż-żgħażagħ fejn hu tkellem dwar l-importanza tan-nisa… u qal li l-mara għandha ħafna x’tagħti lis-socjeta. Għalhekk, il-PN huwa kommess jgħin lin-nisa jgħelbu l-isfidi tagħhom.

Bernard Grech stieden ukoll liż-żgħażagħ sabiex ikunu parti mill-Partit Nazzjonalista

Waqt dan id-djalogu kienu diskussi diversi temi bħat-trasport, l-ambjent, il-Covid u l-importanza tal-mara fis-soċjeta’. Rigward il-Covid, il-Kap tal-PN stqarr li din il-pandemija qed taffettwa liż-żgħażagħ, ħaddiema, studenti, u anke dawk li m’għandhomx xogħol.

Waqt l-istess maratona il-Kap tal-PN kien intervistat flimkien mal-familja tiegħu. Il-mara tieghu AnneMarie flimkien maż-żewġ uliedhom Neil u Maria stqarrew li huma mill-bidu kienu kuntenti bid-deċiżjoni li ħa Bernard Grech biex jikkontesta l-elezzjoni tal-Kap.

Ulied il-kap tal-PN stqarrew li huma ħadmu qatiegħ għal din il-kampanja speċjalment fl-aħħar jiem….meta kienu jiltaqgħu ma’ diversi persuni.

Bernard Grech stqarr li din il-ġimgħa kienet waħda impenjattiva ħafna, iżda hu għandu miegħu nies kapaċi u ta’ fiduċja li qed jgħinuh sabiex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Minn naħa taghhom, waqt din il-maratona, il-Viċi Kapijiet tal-Partit, David Agius u Robert Arrigo irringrazzjaw lil dawk kollha li taw id-donazzjonijiet…flus li se jmorru biex jsir investiment fil-media tal-Partit Nazzjonalista ħalli twassal l-aqwa servizz.

Din il-maratona infetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalita, Francis Zammit Dimech. U fiha ppartecipaw ukoll il-President tal-Eżekuttiv, Alex Perici Calscione, il-President tal-Kunsill Ġenerali Ċensu Galea u l-President tal-Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici.