Lokali

Stħarriġ juri li Robert Abela qed ikompli jitlef il-fiduċja tal-elettorat

Il-fiduċja tal-elettorat fil-Prim Ministru Robert Abela niżlet għall-inqas livell tagħha sa minn meta sar Prim Ministru f’Jannar li għadda.

Skont survey tal-MaltaToday, Robert Abela għandu l-fiduċja ta’ 46.6%.

Din hija l-ewwel darba li l-Prim Ministru niżel taħt il-marka tal-50% kemm ilu fit-tmexxija tal-Partit Laburista. Dan kien l-ewwel survey sa minn meta Bernard Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalista. Filfatt, fl-ewwel stħarriġ ta’ dan it-tip għall-Kap tal-PN, Bernard Grech kiseb 30.9% tal-fiduċja.

Dan ifisser li d-distakk tal-fiduċja tal-elettorat bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni naqas bi kważi 16%. Dan ifisser li skont is-survey tal-MaltaToday, iż-żewġ mexxejja jinsabu l-eqreb li qatt kienu sa minn Ottubru tal-2017.

L-istess stħarriġ iħares lejn riżultat ta’ Elezzjoni Ġenerali li kieku kellha ssir għada. Hawnhekk il-Partit Laburista jikseb 40.3% tal-voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 30%. Dan ifisser l-inqas perċentwal għall-PL fl-aħħar tliet snin u l-ikbar ammont għall-PN fl-istess ammont ta’ żmien. Dan wassal għall-inqas distakk bejn iż-żewġ partiti sa mill-aħħar Eleżżjoni Ġenerali.

Intant, fl-isess stħarriġ tal- MaltaToday joħroġ li 13.9% wieġbu li ma jafux fejn se jivvutaw filwaqt li 12.3% wieġbu li mhux se jivvutaw.

F’kummenti li ta lil dan is-sit, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech saħaq li “il-PN naqqas id-distakk b’madwar 30,000 li jirriflettu żieda pożittiva ta’ eluf ta’ voti favur il-PN u tnaqqis sostanzjali fl-appoġġ favur il-Partit Laburista.” Hu saħaq li “fl-istess ħin għandek aktar minn kwart tal-poplu mhux deċiż. Hemm madwar 75,000 persuna li rridu naslu għandhom bil-messaġġ tagħna b’mod effettiv.”

Francis Zammit Dimech stqarr li għalhekk huwa importanti li nsostnu l-media tal-partit. Hu temm jgħid li “filwaqt li dan jgħatina kuraġġ, marridux inkunu ewforici. Dan l-istħarriġ ifisser li rridu nkomplu naħdmu b’determinazzjoni fix-xhur li gejjin biex inkunu lesti għal kull sfida inkluż għal elezzjoni ġenerali.”