Lokali

Arrestat żagħżugħ wara sparatura fl-Isla

Żagħżugħ ta’ 29 sena jinsab miżmum mill-Pulizija wara li allegatament spara żewġ tiri l-Ħadd filgħaxija fl-Isla.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-22.00hrs fi Triq iż-Żewġ Mini fejn mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li seħħ argument bejn is-suspettat u tfajla ta’ 23 sena, biż-żagħżugħ jispara xi tiri.

Filwaqt li fil-post ġew msejħa minnufih uffiċjali mill-Iskwadra tal-RIU, huma sabu l-vettura tar-raġel fejn fiha nstabet l-arma tan-nar li allegatament ntużat fil-każ, lembuba tal-ħadid kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontati. Sussegwentament instabet ukoll il-balla ta’ tir li ġie sparat.

Fortunatament, il-vittma ma ntlaqtitx u laħqet ħarbet tiġri mill-post.

Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.