Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 68 każ ġdid f’pajjiżna; ifiqu 14

It-tieni mewġa tal-pandemija qed tkompli tifni u tixħet piż qawwi fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna bl-aħħar sebat’ijiem jaraw żieda ta’ 517-il każ ġdid.

Dan wara li fuq il-paġna fuq il-midja soċjali ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 68 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jiżdiedu għal rekord lokali ta’ 827.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 4,061.

Bejn il-Ħadd u t-Tnejn fiequ 14 -il persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 2,981.

Skont kif maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna Saħħa mill-95 każ imħabbra tul il-jum tal-Ħadd; 22 każ huma qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 11 minn fuq il-post tax-xogħol, każ li kien kuntatt dirett ta’ persuni pożittivi, każ ieħor minn attività soċjali, żewġ każi importati u każ mill-cluster ta’ Paceville.

Dan ifisser li 57 mill-każi mħabbra l-Ħadd ma kellhomx idea minn fejn setgħu ġew infettati.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna huma 43, b’żewġ fatalitajiet irreġistrati fl-aħħar jumejn.