Coronavirus Edukazzjoni Lokali

COVID-19: “Għal Gvern ldaqslikieku kollox kien ‘business as usual’ ankè fis-settur edukattiv” – PN

Robert Abela għandu jkun umli, jammetti li falla u jibda jisma’ mill-appelli dejjem jiżdiedu li qed isirulu biex jindirizza t-tixrid tal-virus tal-COVID. Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem laqgħa li kellu dalgħodu mal-Union tal-Għalliema, l-MUT. 

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista spjega li din il-laqgħa hija waħda minn sensiela li Bernard Grech qed ikollu ma’ unions u stakeholders li huma milquta mit-tixrid tal-coronavirus biex juri apprezzament għax-xogħol li qed iwettqu, u biex itenni l-appell tagħhom lill-Gvern hekk kif in-numru ta’ każijiet attivi f’Malta u mwiet qed ikompli jiżdied b’mod allarmanti.

F’laqgha mal-Union tal-Għalliema (l-MUT), li llum stess talbet għal azzjoni urġenti mill-Prim Ministru, Bernard Grech sostna li dan hu Gvern tax-xejn m’hu xejn, bidel id-direzzjoni u ħoloq sens ta’ inċertezza kbira għall-għalliema, il-ġenituri u l-istudenti wara li mexa daqs li kieku kollox kien business as usual.  Grech qal li issa li hawn din it-tieni mewġa tal-pandemija, il-Gvern inqabad fi stat ta’ paniku.

Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li l-Gvern irid jieqaf jilgħab bis-saħħa tan-nies u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkun fuq quddiem biex jinsisti illi dwar saħħitna ikunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li jieħdu d-deċiżjonijiet u mhux Robert Abela.

Fl-istess ħin u fid-dawl ta’dawn iċ-ċirkostanzi, Bernard Grech ser ikun qed jiltaqa’ ma’ għaqdiet u unions oħrajn li jirrapreżentaw ħaddiema fis-setturi l-iktar milquta mill-imxija tal-Covid.