Il-gvern oġġezzjona li r-rapport dwar abbuż ta’ poter mill-ex ministru konrad Mizzi bil-ħatra bħala konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu wara li kien irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu jkun pubblikat llum u nsista li dan ikun pubblikat nhar l-Erbgħa li ġe wara li ssir laqgħa oħra tal-kumitat u fiha jitla’ jixhed il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler.
Il-kumitat parlametnari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika llum iddiskuta l-każ tal-abbuż ta’ poter tal-ex Ministru Konrad Mizzi fil-kariga ta’ konsulent mal-MTA kif mitlub miċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo. Id-dokument għadu mhux pubbliku u għalhekk kien hemm diskussjoni jekk dan għandux ikun diskuss u pubblikat.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li kulħadd qara r-rapport u għalhekk dan għandu jkun rilaxxat immedjatment.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li għandu jkun verbalizzat il-ħin preċiż li fih l-Iskrivan tal-Kamra rċieva dan ir-rapport. Hu qal li is-sitwazzjoni hi waħda li fiha l-persuna li hu s-suġġett tal-investigazzjonijiet – l-ex Prim Ministru u ex deputat Laburista Joseph Muscat – ma jaqax taħt il-parametri tal-liġi minħabba li issa m’għadux deputat.
L-istess Kummissarju għall-Istandards stess qal li fil-konfront tal-uffiċjali tal-MTA Johann Buttigieg u Gavin Gulia ma setax jikkummenta għaliex ma jaqgħux fil-parametri tal-liġi.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li dan ir-rapport xorta se jispiċċa pubbliku. Joseph Muscat irriżenja fil-5 ta’ Ottubru 2020 fis-6.55 p.m. u għalhekk irriżenja qabel wasal ir-rapport. Hu qal li jaqbel li r-rapport ikun pubblikat wara li jinstema’ l-Kummissarju għall-Istandards.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-ispirtu tal-liġi hu li dment li persuna għamel xi ħaġa meta kien deputat allura l-liġi tibqa’ tgħodd għalih; aktar u aktar meta jkun hemm każi ta’ ksur ta’ liġi. Hu qal li anki l-Kummissarju għall-Istandards ippropona li dan ir-rapport għandu jkun pubblikat kemm jista’ jkun malajr.
Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella biex dan ir-rapport ikun pubblikat biex ma jkunx hemm spekulazzjoni dwaru. Hu qal li fir-rapport hemm riferenza kemm għal Joseph Muscat kif ukoll għal Konrad Mizzi.
Karol Aquilina qal li l-konklużjoni hi dwar l-ex Prim Ministru Joseph Muscat u ppropona li r-rapport ikun pubblikat mill-ewwel; dan b’obbligu lejn in-nies u lejn min għamel ir-rapport.
Ir-rappreżentanti tal-gvern oġġezzjonaw li dan isir qabel jinstema’ Dr.George Hyzler. Is-seduta se tkompli l-Erbgħa fis-2.30 pm fejn se jixhed il-Kummissrju għall-Istandards George Hyzler.
//= $special ?>