Lokali

Il-Gvern mitlub ma jiffirmax il-ftehim SOFA

Attivisti tax-Xellug u Soċjalisti jitolbu lill-Kabinet sabiex ma jinnegozjax SOFA jew ftehimiet militari oħrajn.

Numru ta’ attivisti xellugin u soċjalisti kitbu ittra indirizzata lill-Prim Ministru u l-Kabinet fir-rigward ta’ rapporti riċenti dwar il-possibilità li jiġi ffirmat State of Foreign Forces Agreement (SOFA) bejn il-Gvern ta’ Malta u dak tal-Istati Uniti.

Din it-talba saret lill-Gvern sabiex ma jidħol f’ebda ftehim ta’ din ix-xorta għal dawn ir-raġunijiet: 

  • Il-klawżoli ta’ newtralità fil-Kostituzzjoni, fejn iddikjaraw li kwalunkwe ftehim ta’ din it-tip imur kontra l-ittra u l-ispirtu ta’ dan id-dokument;
  • Is-sistema legali de facto b’żewġ livelli li tidħol fis-seħħ kieku Malta tidħol f’SOFA, u li tiddiskrimina bejn membri tal-forzi armati tal-Istati Uniti u r-residenti lokali, għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar;
  • L-interventi militari riċenti fir-reġjun tal-Mediterran, li minbarra li kienu ta’ detriment għall-paċi, is-sigurtà u l-benessri, kienu katalizzatur tad-delitti tal-gwerra;
  • Il-periklu li għalih tkun espost Malta kieku kellha tospita preżenza militari qawwija, u l-effett negattiv fuq l-ekonomija u l-benessri tal-pajjiż.

L-ittra tistieden lill-Gvern sabiex isegwi b’mod attiv il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali bejn il-pajjiżi kollha, filwaqt li jirrifjuta li jipparteċipa f’azzjonijiet militari kif previst mill-Kostituzzjoni. L-ittra talbet lill-Kabinett sabiex pubblikament juri l-qbil tiegħu ma’ din it-talba.

Fost dawk li ffirmaw hemm il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, l-MEP Alfred Sant, l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, Ann McKenna u Yana Mintoff, l-eks President tat-Tarzna ta’ Malta, Sammy Meilaq, u individwi oħra mill-qasam akkademiku, is-soċjetà ċivili, il-kleru, u numru ta’ eks impjegati u uffiċjali tat-Tarzna.