Lokali Qorti

Il-ħaddiema u sitt kumpaniji ta’ Keith Schembri jitħallsu

Tmienja u sebgħin ħaddiem u sitt kumpaniji ta’ Keith Schembri ħadu l-pagi u-salarji tagħhom għax-xahar ta’ Settembru. Dan seħħ f’deċiżjoni mogħtija mill-Qorti wara li ġew friżati l-assi tal-eks Chief if Staff tal-eks Prim Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja li f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat semgħet diversi sottomissjonijiet mil-magħluq qalet fid-deċiżjoni tagħha li parti mill-ordni tal-iffriżar tal-assi jistgħu jiġu rilaxxati biex il-pagi u l-flus dovuti jinħarġu.

Diversi ħaddiema sa minn meta saret il-kawża kienu preżenti fil-bini tal-Qorti biex jieħdu dak li huwa dovut lilhom. L-assi ta’ Keith Schembri kienu ffriżati fi tmiem l-inkjesta fuq l-allegat tixħim fil-bejgħ tal-passaporti u mill-ewwel il-ħaddiema u l-kumpaniji kienu ppreżentaw rikors biex jieħdu dak dovut lilhom.

Mill-inkjesta rriżulta hemm raġunijiet fuq suspett ta’ reati fil-konfront ta’ Schembri u Brian Tonna minn Nexia BT. Dawn flimkien ma’ Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT, kienu arrestati fil-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Settembru. Huma ngħtaw u għadhom fuq police bail.

Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, u Diretturi tal-kumpaniji varji tiegħu kienu diġa ħadu azzjoni legali fuq ordni tal-Qorti li ffriżat l-assi ta’ għexieren ta’ negozji u individwi.

Schembri u 22 persuna jew kumpanija, flimkien mal-qraba tagħhom ressqu wkoll applikazzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, fejn qalu li sar ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom.

Huma qed isostnu li l-azzjoni ordnata kontrihom kienet bi ksur tad-drittijiet tagħhom għal smigħ ġust u għat-tgawdija tal-propjetà tagħhom kif ukoll id-dritt tagħhom li ma jiġux ikkastigati mingħajr kundanna.

Permezz tal-avukati tagħhom Edward Gatt u Mark Vassallo, Schembri u d-Diretturi tal-kumpanija argumentaw li l-liġi nnifisha kienet qed tikser id-drittijiet tagħhom għax ma tathomx ir-rimedju legali biex jiġġieldu l-ordni ta’ investigazzjoni maħruġa kontrihom.