Edukazzjoni Lokali

“Il-PN se jkun spalla għall-istudenti kollha”

“Irid ikun hemm bilanċ bejn l-edukazzjoni u li nharsu l-ħajja universitarja.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-membri tal-KSU fejn gew diskussi l-isfidi li kull student qed jesperjenza fid-dawl tal-pandemija.

Il-President tal-KSU, Matthew Xuereb qal li hekk kif l-Università reġgħet fetħet għal sena akkademika ġdida, minkejja li ġew indirizzati kwistjonijiet dwar kif se jsiru il-lezzjonijiet, b’uħud online u oħrajn fil-klassijiet…. ma ġewx ikkunsidrati għadd ta’ sfidi oħra li kull student qed jgħaddi minnhom matul dan iż-żmien. Fost dawn, hemm l-isfida li wieħed ma jkollux ambjent ideali u l-anqas riżorsi biex jistudja.

U ssemma kif fl-aħħar xhur, saħansitra kien hemm studenti li spiċċaw fil-faqar tant li lanqas flus għall-ikel ma kellhom.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech wiegħed lill-KSU li l-Partit Nazzjonalista se jkun ta’ spalla għall-istudenti kollha b’mod speċjali f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom. Hu qal li l-istudenti se jkunu ta’ prijorità biex jassigura li kull sfida li tista’ tinħoloq tiġi indirizzata minnufih u tittaffa t-tbatija f’dan il-perijodu …li hu wiehed difficli ghal kulhadd.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ghall-Edukazzjoni, Clyde Puli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ghaż-Żgħażagħ, Robert Cutajar, il-President tal-MZPN Joseph Grech u l-President tal-Forum Professjonisti tal-PN, Graham Bencini.

Ritratti: Roberto Runza