Lokali Qorti

Immultat €4,000 fuq sewqan perikoluż wara ħabta meta kien qed iġorr tfal tal-iskola

Xufier ta’ mini-bus mill-Mellieħa ġie mmultat €4,000 wara li nstab ħati li waqt li kien qiegħed iġorr it-tfal tal-iskola saq b’manjiera perikoluża tant li ħabat ma’ vettura oħra u kawża ta’ dan, żewġt irġiel weġġgħu gravi u tliet studenti weġġgħu ħafif.

L-inċident seħħ fil-15 ta’ Jannar tal-2009 meta Winston Bonello, li llum għandu 54 sena saq b’manjiera  perikoluża fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq. L-inċident  seħħ meta t-toroq kienu jiżolqu wara sigħat ta’ xita kontinwa.

Fil-ħabta xufier ta’ 32 sena li kien qed isuq ‘pick-up’ u l-passiġġier ta’ 28 sena, kellhom jiġu salvati mit-tifrik tal-vann minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huma kien ttieħedu l-isptar Mater Dei.

Bonello kien ċaħad li saq mini-bus bl-addoċċ wara li kien involut f’ħabta frontali meta kien qed iġorr studenti tal-iskola sekondarja ta’ Santa Katerina f’Pembroke.

Tliet tfal tal-iskola sofrew ġrieħi ħfief fl-inċident, disgħa oħra ma kien ġralhom xejn. Fortunatament il-vettura ma marritx fuq il-bankina u ġewwa fossa fil-qrib. Ix-xufier tal-vann li qala’ d-daqqa kien ġarrab ġrieħi permanenti f’siequ waqt li l-passiġġier sofra minn ġrieħi li affettwawlu l-vista.

Bonello kien ġie lliberat mill-Qorti tal-Maġistrati nstab ħati mill-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti. Dan wara appell li kien sar mill-Avukat Ġenerali. Huwa kellu wkoll l-liċenzja tas-sewqan sospiża għall-perjodu  sitt xhur.

L-inċident kien seħħ għall-ħabta tas-1:50pm fejn irriżulta li Bonello kien qed isuq b’nuqqas ta` hsieb mu traskuraġni, u kawża ta’ dan ikkaġuna ġriehi gravi fuq Kenneth Francis Abela u Roderick Mangion u ġrieħi ħfief fuq tliet studenti. Huwa nstab ħati wkoll li saq b’veloċità eċċessiva u li sar reċidiv.

Il-Qorti, qalet li mill-provi jirrizulta mingħajr ebda dubju li l-mini-bus qabeż żewġ vetturi mexjin maġenb xulxin f’manuvra ta’ sorpass fi triq b’karġeġġata waħda għall-kull direzzjoni.

Il-manuvra ta’ Bonello kienet waħda ferm u ferm ażżardata u kapriċċuża aktar u aktar meta kellu fir-responsabilità tiegħu kellu vann mimli tfal. Konsiderezzjoni oħra hija li aktar u aktar kif huwa kien qed isuq f’kondizzjonijiet ta’ xita qalila.

Mill-provi ħareġ li sa ċertu punt Bonello kien għaddej fit-triq bi speed tajjeb, anzi pjuttost baxx, iżda għal xi raġuni f’ċertu punt, għażel li jaqbeż vettura, jiġi quddiemha u jerġa jaqbeż vettura li kienet qed taqbeż vettura oħra, naturalment b’żieda fl-ispeed tieghu f’dawk il-kondizzjonijiet;

Rigward l-offiżi li saru, l-Prosekuzzjoni ppruvat dawk sofferti minn Roderick Mangion, Kenneth Abela u l-minuri Sean Buttigieg u l-istess jingħad f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħsarat involontarji fil-vetturi li magħhom ħabat.

Dwar ir-reċediva, l-Qorti qalet li huwa kien ikkundannat għall- hlas ta’ multa ta’ Lm300 madwar  €700 fuq serq ta’ siġar għad-dannu tal-Gvern ta’ Malta. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ħasbet fit-tul dwar il-piena u dan għaliex l-aġir ta’ Bonello fiċ-ċirkostanzi jimmerita biss piena karċerarja.

Dak li salvah u jimmilita favur l-imputat huwa biss il-fatt li għadda iż-żmien. Sentenza ta’ ħabs sospiża kienet tkun l-aħjar waħra fiċ-ċirkostanzi, imma dan mhux possibbli skont il-liġi, qalet il-Qorti.  

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia li kien qal li l-vetturi tant saritilhom ħsara li t-tnejn kellhom jiġu skrappjati.