Il-25 plejer u 15-il membru tal-istaff tekniku tat-tim nazzjonali Malti, li bħalissa jinsabu f’Riga, huma kollha negattivi għall-COVID-19. Dan sar magħruf wara li dalgħodu sarilhom it-tieni test f’inqas minn 24 siegħa, liema test kien l-ewwel wieħed li sarilhom f’Riga.
Kif kien żvelat fl-aħħar sigħat, mill-paġna ta’ Replay fuq Facebook, il-Maltin illum kellhom jagħmlu swab test ieħor, u suppost kellhom jingħataw ir-riżultat ta’ dan it-test, qabel jitħarġu fl-ewwel sessjoni tagħhom fil-Latvja. Il-Maltin kellhom jitħarġu fit-3pm, ħin ta’ Malta, iżda r-riżultat kien għadu mhux magħruf, madankollu t-tim ingħata permess li jitħarreġ xorta waħda, anke għaliex il-bieraħ l-istess 40 persuna, kienu diġa’ għamlu test ieħor, qabel ma telqu minn Spanja għall-Latvja, u li kollha rriżultaw fin-negattiv.
Malta se tkun qed tilgħab għada fis-6pm, f’Daugavas Stadionā kontra l-Latvja. Hu mifhum li qabel jirritornaw lura f’pajjiżna, il-kontinġent kollu Malti se jkun qed jagħmel swab test ieħor, bħala miżura ta’ prekawzjoni tal-imxija tal-COVID-19.
//= $special ?>