Lokali Saħħa

It-tobba jinsistu li “il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ rasu fir-ramel”

It-tobba nkwetati bin-nuqqas ta' deċiżjonijiet waqt li "qed nitilfu l-kontroll" tal-pandemija

“Ninsabu ferm inkwetati bin-nuqqas totali ta’ tmexxija għaqlija waqt li qed nitilfu l-kontroll tal-pandemija minn taħt idejna.”

Hekk sostniet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija f’appell lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex jistinkaw aktar qabel ma jkun hawn vaċċin disponibbli u qabel ma jkun tard wisq.

Il-MAM sejħet għal strateġija effettiva sabiex jiġu introdotti miżuri ta’ mitigazzjoni simili għal dawk imħabbra fi Spanja, Franza u r-Renju Unit bil-għan li Malta terġa’ tikseb kontroll fuq l-imxija tal-pandemija. It-tobba saħqu li jekk dan ma jseħħx ser ikollna kollass totali fis-sistema tas-saħħa.

Il-MAM insistiet li Robert Abela ma jistax jibqa’ jżomm rasu fir-ramel qisu ma huwa qed jiġri xejn u jgħid li kollox “business as usual”, bin-numri ta’ każi ġodda jiżdiedu bla kontroll.

It-tobba saħqu li t-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei qed tilħaq il-limitu tagħha u spjegaw li qed jidħlu jingħataw il-kura kontra l-Covid-19 mhux biss anzjani iżda ankè żgħażagħ.

Huma sostnew li l-Gvern irid jieqaf immedjatament iwassal messaġġi mħawwda lill-poplu u ma jagħtix każ tal-gravità tas-sitwazzjoni, bil-konsegwenza li l-maġġorparti taċ-ċittadini mhux qed jieħdu l-pandemija bis-serjetà.

Il-MAM appellat li s-sitwazzjoni preżenti teħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet iebsin u hemm bżonn li l-Gvern iwarrab minn narrattiva populista u jħares sewwa l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin.

Għaldaqstant il-MAM qed tipproponi li l-maskri protettivi jintlibsu ankè fil-magħluq, inkluż fil-postijiet tax-xogħol.

Li titnieda kampanja edukattiva dwar l-ilbies tal-maskri, li nipproteġu aktar lill-vulnerabbli u li jiżdied l-enforecement bi tnedija ta’ aktar multi ħorox.

Dan filwaqt li appellaw sabiex jiġi mħeġġeġ aktar teleworking u saħqu wkoll li fl-ajruport jiġi introdott screening mandatorju.

Il-MAM saħqet ukoll li t-titjiriet minn bliet li jinsabu taħt lockdown iridu jieqfu minnufih filwaqt li kull passiġġier li jiġi Malta għandu jagħmel swab 72 siegħa qabel.