Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat swat fuq martu

Raġel ta’ 57 sena miż-Żejtun u residenti Ħaż-Żabbar inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li sawwat il-martu, liema swat ilu sejjer minn Diċembru li għadda, fejn hi dejjem ħafritlu, iżda issa ddeċidiet li tkompli bil-każ tagħha.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma u wliedha li skont il-Prosekuzzjoni kienu preżenti waqt li kienet qed issir il-vjolenza domestika. Din wara talba li saret mill-Avukat Ishmael Psaila, wieħed mill-avukati tal-parte civili.

Il-Qorti qalet li kienet qed tipprojbixx li huwa jersaq lejn il-vittma jew jikkomunika magħha jew mat-tfal tagħha, li wieħed minnhom huwa minuri. L-Ispettur Eman Hayman li ressaq lir-raġel qal li nhar is-Sibt daħal rapport lill-Pulizija, li kien hemm ħafna storbju fid-dar tal-koppja.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post il-mara bdiet tlaqlaq u ma bdietx tgħid eżatt x’ġara. Qal li sar risk assement li ġie ‘high’ ħafna. Ħareġ li l-imputat sawwatha u qalalha sinna u dan kollu wara argument fuq flus.

L-Ispettur qal li dan l-abbuż ilu sejjer minn Diċembru li għadda u li anke darba minnhom ir-raġel sawwatha meta kienu l-Belt. Ħareġ ukoll li r-raġel sawwat lil martu diversi drabi u b’diversi oġġetti nkluż bi xkupa.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Robert Galea għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-premessa li l-mara marret tgħix f’residenza oħra u għalhekk ma hemmx l-ebda nkwiet li jistgħu jiġu kontaminati l-provi. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-fatt li xorta teżisti l-biża li l-provi jiġu kontaminati.

L-Ispettur Hayman qal li peress li dan huwa reat kontinwat u peress li l-akkużat rifes l-għatba tal-Qorti kemm il-darba, huwa m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti qalet li minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi kienet qed tiċħad it-talba għall-pleġġ. L-Avukati Ishmael Psaila u Shaun Zammit deheru bħala parti ċivili għan-nom tal-mara u t-tliet ulied.