Lokali Qorti

“Kont seren nagħti l-fiduċja lil Konrad Mizzi; kienet deċiżjoni tal-partit” – Michael Falzon

“Kont seren nagħti l-fiduċja tiegħi lil Konrad Mizzi wara dak kollu li seħħ f’Novembru tal-2019. Mhux minnu li ma kienx free vote imma kienet deċiżjoni kollettiva tal-partit.

“Iva m’hawnx negozjant f’Malta li ma nafux u dan għaliex jien għamilt kwart ta’ seklu naħdem il-Bank of Valletta peress li xogħoli kien li jivvettja l-proġetti, qal il-Ministru Michael Falzon waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia, madankollu meta mistoqsi dwar Yorgen Fenech huwa qal li ma jafux.

Dwar Marco Gaffarena qal li li darba mar tour tal-kaċċa u fost in-nies li kien magħhom, kien hemm Gaffarena. U mistoqsi mill-Avukat Therese Comodini Cachia dwar jekk Keith Schembri kellux ħafna poter, il-Ministru Falzon deher skomdu ħafna jwieġeb u qal li Schembri qatt m’għamillu pressjoni biex jagħmel xi ħaġa.

Sadanittant mistoqsi mill-Bord ta’ inkjesta jekk Joseph Muscat kienx bagħat għalih biex jistaqsih fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar il-Panama Papers u l-pożizzjonijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Ministru qal li hu ma kienx fil-Kabinett dak iż-żmien.

Dan kollu ħareġ waqt li kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bix-xhieda tal-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.

Din l-inkjesta għandha l-għan tiddetermina jekk l-Istat setax għamel xi ħaġa biex ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u biex tqis l-aġir tal-Istat wara l-qtil tagħha.

Dwar dak li ħareġ fuq il-Panama Papers u 17 Black il-Ministru qal li “jekk irrid ngħid il-verità, iva bdejt inħossni ftit skomdu, imma ma kontx mitlub dwar jekk għandix opinjoni minn xi ħadd.” Tenna li l-allegazzjonijiet fuq 17 Black ma ġewx diskussi fil-Kabinett.

Dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia saħaq li kien xokk kbir, u minkejja li ma kienx jafha kienet xokk għalih. Mistoqsi dwar il-‘kitchen cabinett’ qal li lanqas biss kien jaf bih, aħseb u ara kemm kien jagħmel parti minnu. Tenna li kulħadd ikollu lil dawk iżjed viċin tiegħu.

Mistoqsi dwar kif kienu jiġu preżentati l-proġetti l-kbar tal-Vitals, tal-Electrogas u oħrajn tenna li hu ma kienx jagħmel parti mill-Kabinett dak iż-żmien. Qal iżda li meta hu kien parti mill-Kabinett, ġieli tressqu proġetti kbar bħal tar-riklamazzjoni tal-art.

Dwar Yorgen Fenech qal li huwa qal li ma kienx jafu, kien iltaqa’ miegħu ftit meta kien ġie ppreżentat il-proġett ta’ riklamazzjoni tal-art. Huwa qal li jaf lil Ray Fenech peress li kien l-iskola miegħu. Dwar jekk kienx jaf li kienx ħabin ta’ Keith Schembri, huwa wieġeb fin-negattiv.

Falzon qal li sar jaf bil-ħbiberija ta’ Yorgen Fenech u Keith Schembru mill-media. Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsa lill-Ministru Falzon jekk ir-relazzjoni bejn il-politiċi u n-negozjanti tinkwetahx.

Tenna li la bħala partit u lanqas bħala Gvern, qatt ma kien hemm xi direzzjoni biex jaqdu lin-negozjanti. L-Avukata Comodini Cachia staqsiet jekk hux vera li hu ma qal xejn, ma talab ir-riżenja ta’ ħadd, minkejja li kien tal-prinċipju li jekk issir xi ħaġa ħażina waqt li hu responsabbli, jirriżenja.

Qal li meta ġiet diskussa l-Electrogas u meta ħarġu l-iskandli tal-Panama Papers, ma kienx membru tal-Kabinett. Mistoqsi mill-Imħallef Abigail Lofaro jekk qatt kienx hemm xi ħadd fil-Kabinett li ma qabilx fuq xi ħaġa u x’jiġri jekk iseħħ dan, il-Ministru qal li “ikun hemm diverġenza t’opinjonijiet imma d-deċiżjoni tal-Kabinett tkun kollettiva.”

L-Imħallef Lofaro qalet anke fil-Qorti meta jkun deċiżjoni ta’ tliet Imħallfin, Imħallef minnhom jista’ ma jaqbilx – u hawn le – “irrispondejt id-domanda mela”, qalet il-ġudikant – fis-sens li ma tistax ma taqbilx kif fehem kulħadd fl-awla.

Bħal ma qalu l-Ministri kollha li xehedu sa issa Michael Falzon qal li ma kienx jaf meta se ssir l-elezzjoni ġeneral tal-2017. Kien sar jaf waqt il-manifestazzjoni tal-ewwel ta’ Mejju meta ħabbarha l-Prim Ministru.

Dwar ix-xogħol fantażma li rnexxielu jakkwista Melvin Theuma qal li dwar dan sar jaf mill-media. L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lill-Ministru jekk fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista li saret l-għada tal-assassinju, ġiex diskuss l-assassinju. Huwa wieġeb fin-negattiv u tenna biss li kulħadd kien ixxukkjat.

L-Avukat Comodini Cachia qalet li biex joħorġu aktar il-fatt offriet li l-parte civile, jiġifieri hi u l-Avukat Jason Azzopardi flimkien mal-ġurnalisti joħorġu mill-awla biex il-Ministru jixhed bil-magħluq jekk jixtieq, imma hu qal li m’hemmx bżonn.

Dwar il-vot ta’ fiduċja li ttieħed f’Konrad Mizzi wara dak li seħħ f’Novembru tal-2019, il-Ministru qal li ma jemminx li ma kienx free vote imma kienet deċiżjoni kollwettiva tal-partit. “”Kont seren iva li nagħti l-fiduċja tiegħi lil Konrad Mizzi.” L-inkjesta tkompli nhar l-Erbgħa fis-2.30pm meta mistenni jixhed l-Ispettur Kurt Zahra.