L-Ażerbajġan qed jakkuża lill-Armenja li kienet responsabbli għal attakki fuq bliet Ażeri matul il-lejl li għadda. Dan bi ksur tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied sigħat biss wara li ntlaħaq.
Disa’ persuni tilfu ħajjithom f’dawn l-attakki u mat-30 persuna oħra indarbu meta missili laqtu l-belt ta’ Ganja fl-Ażerbajġan. L-awtoritajiet tal-pajjiż qed jgħidu li l-missili laqtu bini residenzjali fit-tieni l-akbar belt fl-pajjiż.
Il-belt ta’ Mingachevir ukoll intlaqtet minn missili allegatament sparati mill-Armeni.
Intant uffiċjali Armeni f’Nagorno-Karabakh qed jiċħdu dawn l-allegazzjonijiet u qalu li għadhom qed iżommu mal-ftehim li daħal fis-seħħ is-Sibt f’nofsinhar. Minn naħa tagħhom l-Armeni qed jakkużaw lill-Ażeri li attakkaw il-kapital tar-reġjun Stepanakert, kif ukoll irħula oħra.
It-tensjoni f’dan ir-reġjun eskalat fis-27 ta’ Settembru wara snin twal ta’ ġlied.
Nagorno-Karabakh ġeografikament tinsab fl-Ażerbajġan, madankollu hija titmexxa mill-Etniċi Armeni li ma jirrikonoxxux il-Gvern Ażeri.
//= $special ?>