Edukazzjoni Lokali

L-MUT tappella lill-Gvern għal miżuri konkreti

Ultimatum lill-Gvern sal-15 ta’ Ottubru.

L-MUT qed tappella lill-Gvern biex jieħu miżuri konkreti, konsistenti u b’infurzar fid-dawl li l-każijiet qed jiżdiedu filwaqt li fl-aħħar ġranet rajna l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.

Il-unjoni qalet li n-numru ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna huwa kbir tant li qed ibassru li dan ser iħalli mpatt negattiv fuq l-iskejjel. Fl-aħħar jiem pajjiżna diġa ra każijiet pożittivi fl-iskejjel, b’din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb, u fi ftit jiem jista’ jkollna skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkustanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard.

L-MUT tisħaq li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li l-iskejjel li fetaħ ikollhom il-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Huma qalu li l-ftuħ tal-iskejjel jeħtieġ miżuri ta’ rażan u ta’ infurzar hekk kif jekk dan ma jsirx, l-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, ser jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel.

L-unjoni kompliet tgħid li huwa magħruf li l-miżuri meħuda mill-Gvern, bħal dawk tad-distanza soċjali, mhux qed jiġu infurzati kullimkien filwaqt li l-miżuri l-oħra, li għandhom l-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, huma ftit wisq. Barra minn hekk għad hemm wisq direzzjonjiet kunfliġġenti mill-istess esponenti tal-Gvern.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT qed terġa’ tappella lill-Gvern sabiex jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid iI-miżuri tal-infurzar. L-MUT qiegħdha tagħti ultimatum lill-Gvern sa nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru sabiex jieħu l-miżuri mitluba. Sadanittant l-MUT ser tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.