“Is-sistema online mhux taħdem”
“Ħassru l-lezzjonijiet online”
“Uliedna spiċċaw jistennew barra b’riskju għal saħħithom”
Kienu dawn wħud mill-ilmenti indirizzati lit-tmexxija ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary School li wara li kienu mwiegħda li l-istudenti se jkunu jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet online, hekk kif daħlu fis-sistema nnotaw li ma taħdimx. Jidher li tant kemm ma kellhomx għażla oħra li l-istudenti ntalbu jmorru kollha l-iskola għal-lezzjonijiet b’riskju għal saħħithom.
Fl-isfond ta’ dan it-tgerfix kollu li nħoloq, l-istudenti ma ġewx gwidati x’għandhom jagħmlu tant li ħadd mhu qed iwieġeb it-telefonati. Jidher li dan kollu se jibqa’ għaddej sa mill-inqas nhar il-Ħamis li ġej, biex b’hekk sa dan it-tant l-istudenti jibqgħu mdendlin ma jafux x’se jiġri minnhom.
U jidher li anke meta tissolvi din il-problema tal-lezzjonijiet online, problema oħra xorta waħda tibqa’ hemm. Dan hekk kif għadd ta’ studenti u qraba li tkelmu ma’ In-Nazzjon qalulna li ma jistax ikun uħud mill-lezzjonijiet isiru online u oħrajn isiru fl-iskola stess. Dan hekk kif wieħed ma jilħaqx jasal id-dar wara l-lezzjoni fl-iskola biex isegwi l-lezzjoni online.
U dan mhux kollox! Studenti Għawdxin li tkelmu magħna qalulna li jekk ma jilħqux jaslu l-Maltin sa darhom, aħseb u ara kemm jilħqu jaslu dawk li jgħixu fuq il-gżira Għawdxija hekk kif dan ifisser iridu jaqbdu madwar tliet mezzi ta’ trasport pubbliku. Barra dan kollu, l-użu kontinwu tat-trasport pubbliku qed joħloq ir-riskju għas-saħħa tal-istudenti u l-qraba tagħhom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19.
//= $special ?>