Lokali

Ma jistax ikun li jerġa’ jseħħ dak li ġara taħt Joseph Muscat

  • David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-pajjiż ma jistax jaċċetta li jseħħ dak li seħħ taħt it-tmexxija tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fl-istadju tat-tieni qari tal-Liġi dwar ir-Riforma tas-Setgħat tal-Ħatra, David Thake qal li fl-aħħar snin ma sarux l-investigazzjonijiet dwar każi ċari ta’ korruzzjoni fosthom l-iskandlu tal-Panama Papers u l-ministru Konrad Mizzi. Taħt Joseph Muscat kienu appuntati ħames kummissarji tal-pulizja sakemm sab wieħed li jagħmel dak li jgħidlu hu.

F’50 sena ta’ indipendenza ta’ Malta il-Kummissjoni Venezja issa ħasset li kellha tikkritika lil Malta. Jeħtieġ li l-pajjiż ikollu sistema tajba ta’ skrutinju biex ma jerġax iseħħ dak li seħħ taħt Joseph Muscat. Dan jista’ jisr billi l-pajjiż ikollu grupp parlamentari tal-gvern li jifhem li l-lealtà tiegħu hi lejn il-pajjiż u lejn il-kostituzzjoni.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis għamel xhur jieħu €6,000 fix-xahr f’direct orders meta ma kienx elett bħala ministru. Min jidħol fil-politika għandu jidħol biss biex jagħmel il-ġid u mhux biex isir sinjur.

Il-gvern Laburista uża d-drittijiet ċivili biex jgħatti l-iżbalji li għamel u xtara l-voti b’dik il-minorità biex jieħu l-poter. Jeħtieġ li dak li seħħ ma jerġax jiġri, sosna d-deputat Nazzjonalista li kompla li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali naqsu bir-responsabbiltà tagħhom lejn il-pajjiż. Fl-aħħar seba’ snin fil-gvern kien hemm nies li aktar ħasbu fl-interess personali tagħhom.