Ambjent Ekonomija Għawdex Lokali Transport Turiżmu Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

Metrò: Mill-ajruport għar-Rabat Għawdex f’nofs siegħa

Proġett li jista’ jagħti dimensjoni moderna u nadifa lil pajjiżna

It-traffiku f’pajjiżna, il-ħin twil moħli fi vvjaġġar bejn post u ieħor, it-tniġġiż ta’ l-arja huma kollha temi li minn żmien għal ieħor jitqajmu fid-diskussjoni dwar it-trasport. Imma hemm soluzzjoni? il-mument tkellem mal-Perit Konrad Xuereb, perit li fassal proġett ta’ metro li tista’ tagħti lil pajjiżna nifs ġdid kemm f’dak li hu vvjaġġar, kif ukoll fuq livell ambjentali u ta’ modernizzazzjoni.

Involut fi proġetti kbar b’xejn anqas minn 20 sena ta’ esperjenza, il-Perit Konrad Xuereb, ta’ KonceptX, iwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet ta’ il-mument kif ukoll ta’ ħafna li ta’ kuljum jagħmlu dawn il-mistoqsijiet. Fosthom, kif nistgħu nieqfu nqaċċtu s-siġar u nieħdu mill-art agrikola biex isiru toroq ġodda. Toroq li wara ftit żmien jerġgħu jimtlew bit-traffiku. Kif nistgħu wkoll ma nkomplux nibnu fly-overs mostri kif qed jiġri bħalissa. Jekk inħarsu lejn x’qed jiġri f’pajjiżi barranin, ir-risposti qegħdin hemm. Dan ifissru wkoll il-Perit Konrad Xuereb f’din l-intervista.

Minn fejn żviluppa l-proġett li għandek f’moħħok?

Jien ili għal dawn l-aħħar kważi għoxrin sena nvolut fi proġetti kbar internazzjonali. Dawn il-proġetti ġegħluni naħseb jekk hemmx modi oħra kif nistgħu insolvu l-problemi li għandna Malta, dawk tat-tkabbir fil-popolazzjoni, ta’ transport u tat-tniġġiż ta’ l-ambjent, fost l-oħrajn. Minn hemm bdejt niffoka fuq soluzzjonijiet adatti ghal Malta permezz ta’ mezzi differenti ta’ trasportazzjoni tal-massa li jinkludu metrò u pontijiet pedonali.

X’inhi l-viżjoni tiegħek għal Malta u x’tinvolvi?

Hawn Malta l-affarijiet iridu jibdew isiru b’mod differenti. Ma nistgħux nibqgħu nibnu toroq ġodda u nqaċċtu s-siġar, għax dawn ma jsolvux il- problemi ta’ pajjiżna fit-tul. Pjuttost iżidu l-problemi ta’ Malta u jwasslu għal iktar traffiku u tniġġiż fl-arja.

Irridu ninvestu f’mezzi differenti tat-trasport, speċifikament f’trasport tal-massa. Dan il-proġett huwa qisu siġra fejn il-metrò huwa t-tronk, u l-friegħi il-kbar huma s-servizz modifikat tal-buses, bi friegħi iżgħar li jirrapreżentaw ċ-ċiklisti u l-persuni li jimxu sad-destinazzjoni finali.

Jiġifieri l-metrò huwa parti integrali minn sistema multi-modali. Il-metrò jwasslek per eżempju mill-ajruport għall- Mellieħa jew għar- Rabat Għawdex. Imbagħad meta tasal ir-Rabat Għawdex, tista taqbad ‘shuttle bus’ li jwasslek għad-destinazzjoni finali. Per eżempju mill- istazzjon tal-metrò propost ġo Raħal Gdid taqbad shuttle bus sal-Birgu.

Il-proġett jinkludi wkoll sistemi ta’ kirjiet b’xejn ta’ roti minn quddiem kull stazzjon tal-metrò biex in-nies ikunu jistgħu jagħmlu l-aħħar parti tal-vjagg tagħhom bir-rota jew bil-mixi. Kif hemm f’ħafna bliet barra minn Malta bħal Pariġi u Londra.

Proġett li jinstema’ sabiħ. Imma jiswa ħafna u min jaf kemm idum biex isir…

Il-kumpanija tiegħi għamlet studju tekniku u wkoll finanzjarju. Dan il-proġett jiswa madwar erba’ biljun ewro, li jinkludi l-40 trejn tal-metrò.

Kwazi €675 miljun jistgħu jkunu eliġibbli għal fondi Ewropej. Il-gvern jista wkoll joħroġ bonds għal total ta’ €1,575 miljun li jimmaturaw f’ghoxrin sena. Il- kumplament ta’ €1,750 miljun jintefqu mill-gvern fuq medda ta’ ħmistax is- sena sakemm jinbena il- metro. Cioe’ kwazi €115 miljun fis-sena, li huma kwazi kemm qed jonfoq il-gvern bħalissa kull sena fuq twessiegħ tat-toroq.

Jekk nibdew il-proġett illum, f’għaxar snin ikollna l-ewwel fażi tal-proġett, li hija l-biċċa l-kbira tiegħu, lesta. Biex jitlesta kollu, il-proġett jieħu 15-il sena b’kollox, li jinkludu ħames snin ta’ studji dettaljati fuq l-impatti ambjentali  u arkeoloġiċi.

Jiġifieri fi żmien ftit snin, jekk isir dan il-proġett, per eżempju turist li jasal Malta jista’ jasal Għawdex fi ftit ħin? F’kemm ħin?

Bis-sistema ta’ metro li qed nipproponi, turist li jasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fi 32 minuta biss jasal ir-Rabat Għawdex. Dan ħriġnih minn studji li jieħdu kunsiderazzjoni il-fatturi kollha inkluż it-tip ta’ trejn moderni, kemm idum  wieqaf it- trejn ġo l-istazzjon, u l-aċċelerazzjoni u d-deċelerazzjoni tat-trejn.

Minn Għawdex, it-traġitt ikun 32 minuta sa’ l- Universita’ u l- isptar Mater dei, u minn Għawdex sal-Belt 36 minuta biss. Is-sabiħ ta’ metro hu li dawn il- ħinijiet huma affidabbli, irrispettivament mit-temp jew il-kundizzjoni tal-baħar.

Dan kollu jinstema’ sabiħ ħafna. Imma t-toroq tagħna u l-ġeoloġija ta’ pajjiżna jippermettu li jsir proġett ta’ dan it-tip?

Naturalment diffikultajiet biex jitwettqu proġetti kbar dejjem se jkun hemm. Ir-rotta tal-metrò tkun posizzjonata f’livell wieħed, bejn sitt u tmien sulari taħt l-art, u ftit fond aktar għall-konnessjoni għal Għawdex taħt il-fliegu. Ħafna mill-bini u fdalijijiet arkeoloġiċi huma fl-ewwel tlieta jew ħames metri mill-livell ta’ l-art u għaldaqstant, ir-riskju ta’ ħsara arkeoloġika jew ħsara fl-infrastruttura jkun minimu.

Xorta waħda isiru studji fid-dettall biex ir- riskju ta’ dan id-dannu ikun negliġibli – bħal meta saru proġetti kbar f’pajjiżi oħra, fosthom il-proġett tal-Crossrail f’Londra li ser jitlesta dalwaqt. Għaldaqshekk dawn l-istudji huma importanti ħafna qabel ma jsir dan il-proġett.

Imma dan huwa proġett li żgur jista’ jsir u għandu jsir mill-aktar fis possibbli għax isolvi ħafna mill-problemi infrastrutturali li għandu pajjiżna.

L-affarijiet is-sbieħ għidthom, imma x’inhuma l-iżvantaġġi ta’ proġett bħal dan?

Kull proġett ta’ dan it-tip għandu l-vantaġġi u l-iżvanaġġi. L-importanti li l-impatt tal-vantaggi jkunu ferm iktar mill-iżvanaġġi.

Meta bdejt nippjana dan il-proġett, kont nistaqsi: “Għaliex f’Malta għadna qed ninvestu f’toroq ġodda, meta pajjiżi oħra fl-aħħar għoxrin sena imxew fid- direzzjoni opposta u neħħew bosta flyovers li kienu bnew fis-sittinijiet, sabiex jagħtu lura spazji miftuħa lin-nies?” Dawn il-pajjiżi setgħu jagħmluha għax għandhom sistemi effiċjenti ta’ trasport tal-massa bħal metrò.

Il-vantaġġi ta’ metrò f’ Malta huma kbar. Imma bħal kull proġett, hemm żvantaġġi wkoll. Wieħed mill-iżvantaġġi huwa l-volum ta’ skavar li jrid isir. Minn studji li għamilt, biex isir il-proġett sħiħ hu stmat li jridu jkunu skavati – mill-50km li jkopru t-tliet fażijiet tal-proġett – madwar erba’ miljun metru kubu ta’ materjal.

Imma soluzzjoni għal dan hemm ukoll. Fil-proġett tal-Crossrail f’Londra, it-tliet miljun kubu ta’ materjal li nħoloq mill-iskavar intuża biex saret riżerva naturali fuq art riklamata fil-Lvant ta’ Londra. Din ir-riżerva, Wallasea Island, issa tinsab taħt il-protezzjoni tas- Soċjetà Rjali tal-Protezzjoni tal-Għasafar (RSBP) u toffri spazji għall-familji fejn jistgħu jammiraw għasafar kif ukoll flora li kibret fuq din l-art.

F’pajiżna jistgħu jiġu identifikati postijiet fejn jista’ jsir xi proġett simili, fejn nistgħu wkoll ninkludu solar farm jew wind farm li jkun ikopri kwazi 60% ta’ l-enerġija meħtieġa biex jitħaddem il-metrò. Jiġifieri nkunu qed nużaw il- materjal ta’ l-iskavar biex noħolqu proġett li minnu nieħdu enerġija u għalhekk ikollna proġett sostenibbli u ta’ ekonomija ċirkolari.

Kemm għandu bżonn enerġija elettrika dan il-proġett?

Is- sistema ta’ metro li qed nipproponi tuża madwar tnejn jew tlieta fil-mija ta’ l-enerġija kollha li jintuża f’Malta. Imma jeħtieg li Malta tinvesti aktar f’solar u wind farms, irrispettivament minn dan il-proġett, bħalma qed tagħmel id-dinja kollha biex innaqqsu drastikament id-dipendenza ta’ Malta fuq energija fossili.

Kemm tqis li tkun faċli l-bidla fil-kultura tagħna biex inħallu l-karozza d-dar u nużaw trasport ta’ dan it-tip?

Naħseb li din hija problema superfiċjali. Meta jkun lest proġett ta’ dan it-tip, wieħed lanqas jaħsibha darbtejn biex juża il-metrò. Flok dak li jkun jagħmel ħin twil iġġamjat u stressat fit-traffiku, jibla d-dħaħen, u jaħli l-ħin, jaqbad il-metrò u jieħu l-laptop jew ktieb biex jaħdem jew jaqra tul it-traġitt. F’ħafna inqas ħin jasal fid-destinazzjoni bi prezz ħafna irħas. Aħna nikkalkolaw li l-prezz għal vjaġġ wieħed ikun ta’ mhux aktar minn €2.

Mill-kalkoli konservattivi ħafna li għamilt, jekk ikollok wieħed minn kull erba’ persuni mill-popolazzjoni ta’ Malta li jagħmlu mqar vjaġġ wieħed kuljum, ikollok dħul ta’ aktar minn €250 miljun fis-sena b’dak il-prezz. Dan minbarra dħul ta’ kważi €50 miljun fis-sena minn riklami u attivitajiet ekonomiċi oħra marbuta mal-istazzjonijiet.

Apparti hekk, il-ħin tal-ivvjaġġar jonqos tant li tibda tiġik naturali li tagħżel li tivvjaġġa b’dan bil-metrò la darba jkollok l-għażla.

Dan hu proġett li jista’ u għandu jsir.

Bi proġett bħal dan, il-pajjiż jitlef dħul minn taxxa fuq il-fuel u dħul ieħor. Kif se nagħmlu tajjeb għal dan?

Wieħed irid jikkonsidra kemm qed jonfoq il-pajjiż bħalissa fuq il-kura tan-nies b’mard respiratorju li ħafna minnu hu kkawżat mit-tniġġiż, per eżempju.

Trid tqis ukoll kemm jiswa lill-pajjiż, b’mod finanzjarju, it-telfien tal-produttività minħabba l-ħin moħli fit-traffiku. Jekk tqis vjaġġ medju ta’ 15-il minuta ’l hemm u ’l hawn ta’ persuna bi qligħ baxx jew medju, dan jiswa lill-pajjiż kull sena iktar minn €75 miljun fi produttività mitlufa.

Allura dan diġà jagħmel tajjeb għat-tnaqqis fi dħul mit-taxxi li semmejt.

Imbagħad għandek fattur ieħor – dak ta’ l-impjiegi. Dan il-proġett joħloq ħafna xogħol. Kif jibda jitħaddem il-metrò, dan se jimpjega bejn 1,200 u 1,500 persuna, minbarra x- xogħolijiet numerużi inderetti oħra, per eżempju s-servizzi biex jipprovdu l-ikel għall-kafetteriji fl-istazzjonijiet.

Aspett ieħor hu li l-iskola medika ta’ Barts u l-kampus ta’ l-Università Għawdxija jkollhom konnettività diretta ma’ l-Isptar Mater Dei u ma’ l-Università ta’ Malta.

Dawn l-aspetti għandhom impatt finanzjarju posittiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

L-Għawdxin kif laqgħuh dan il-proġett?

Ir-reazzjoni ta’ l-Għawdxin kienet pożittiva ferm.

Jien bdejt il-proġett bħala soluzzjoni urġenti għat-trasport f’Malta, u l- ipotesi kienet li jekk Għawdex se jingħaqad b’link permanenti allura dan għandu jkun biss estensjoni ta’ sistema tat-trasport tal-massa u mhux mina tal-karozzi bejn Malta u Għawdex li ma ssolvi xejn. Pjuttost il-mina tal-karozzi se żżid il-problemi u tkun tiswa ferm iktar biex taqsam.

Fil-fatt jien għamilt studju ta’ kemm jiġi jiswa l-prezz biex taqsam bil-karozza bil-mina. Dan jiġi il-fuq minn €30 kull vjaġġ, ferm aktar minn €2 bil-metrò ghall-istess vjagg, waqt li ddum ferm iktar u tniġġez ħafna izjed komparat mal-metrò.

Meta ppreżentajt il-proġett tal-metrò lil Wirt Għawdex, kif ukoll lill- organiżazzjonijiet influwenti oħra bħal Din l-Art Ħelwa u l-Kamra tal- Kummerc, in-nies bdew iħossu li din verament tista’ tkun soluzzjoni għall-problemi ta’ l-Għawdxin.

Għawdxi jkun jista jaqsam Malta f’nofs siegħa b’€2 biss u lura fl-istess ġurnata, irrespettivament jekk hu maltemp, u ma jkollux għalfejn jgħix Malta biex jaħdem jew jistudja hemm.

Donnu li l-Għawdxin ma ngħatawx għażla konkreta u ntqalilhom li s-soluzzjoni għall-problemi tagħhom hija biss il-mina tal-karozzi. Jien qed nuri b’mod ċar li dan mhux minnu.

Jien qed ngħid li jekk tħares biss lejn kemm jiġi jiswa l-użu tal-mina tal-karozzi kważi lanqas tkun tista’ tużah. Dan apparti r-riskji li ġġib magħha din il-mina tal-karozzi għax kull waħda mis-6,500 vettura li taqsam kuljum timponi riskju ta’ inċident, kif ġara meta kien hemm inċident u nar fil-mina ta’ Mont Blanc fl-1999 u din ingħalqet għal 3 snin biex tissewwa. Mina ta’ metrò għal Għawdex tkun ferm inqas riskjuza għax jaqsmu inqas treni kuljum u dawn jgħaddu fuq trekks siguri, u s-sistema tkun kompjuteriżżata.

Inħoss li l-entużjażmu tal-Għawdxin għal dan il-proġett tal-metrò qed jikber ma’ kull ġurnata li tgħaddi.

Dr Konrad Xuereb gradwa bħala Perit mill-Università ta’ Malta u kompla l- istudji tiegħu l-Italja u mbagħad fir-Renju Unit fejn ħadem ma’ kumpaniji internazzjonali kbar fosthom ABA u Arup, u kien involut fi proġetti ta’ sostenibbilità u infrastruttura. Fl-2015 lesta d-dottorat fil-qasam ta’ l-inġinerija strutturali u ftit wara fetaħ il-kumpanija tiegħu tal-arkitettura u inġinerija strutturali, KonceptX, b’ufficji f’Londra u f’Malta.