Lokali Parlament

Opportunità li jitwaqqaf il-ħażin li qed isir fil-pajjiż

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna li dan hu mument importanti u opportunità biex fil-pajjiż jitwaqqaf il-ħażin li qed isir u li qed ikisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Fil-parlament fl-istadju tat-Tieni Qari tal-Liġi dwar ir-Riforma tas-Setgħat tal-Ħatra, Adrian Delia qal li l-BOV għandu problema mal-correspendent banking fid-dollaru u sostna li l-BOV għandu ‘l fuq minn 20,000 azzjonist. Hemm eluf oħra ta’ nies li jisselfu u jfaddlu ma’ dan il-bank Malti li jekk jitlef il-faċilita li jikkorrispondi miegħu biex isir in-negozju fid-dollaru dawk li jinvestu fid-dollaru ma jkunux jistgħu jinnegozjaw miegħu. Is-saħħa tal-Prim Ministru li jagħżel hu lil min imexxi l-bank mhix iktar importanti mill-qligħ u min-negozju.

Fis-sistema Maltija l-prim ministru xorta jikkontrolla l-kabinett tiegħu u għalhekk tajjeb li jinbidlu l-liġijiet f’dan is-sens. Dan biex il-liġijiet f’Malta jaqblu iktar mal-istituzzjonijiet Ewropej biex ikun hemm inqas monoplju minn persuna waħda kif isir f’sistema demokratika.

L-iktar importanti hu jekk il-persuni magħżula humiex integri biżżejjed; jeħtieġ li jkun hemm bdil fil-mentalità biex il-persuni li jokkupaw dawn il-karigi hi lejn il-kostituzzjoni u mhux lejn il-persuna li ħatrithom.

Hu tajjeb li l-prim ministru ma jibqax daqshekk b’saħħtu u jibda jiddelega minn dan il-poter. Dan mhux biżżejjed, sosta Adrian Delia, li kompla li ma jkunx ċar biżżejjed biex l-awtonomija, l-indipendenza u l-integrità tal-istituzzjoni ma tkunx garantita.

Hu semma’ l-MFSA u qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għaddew liġijiet għall-ġid tal-pajjiż għaliex il-kompetizzjoni hi ma ġurisdizzjonijiet barranin. Il-pajjiż ma jistax jattira investiment li mhux nadif jew li jkun se jattira bħall-Pilatus li kellhom intenzjoni li jaqdu biss lill-ftit.

Dan mhux biss minħabba l-governanza jew minħabba r-reputazzjoni tal-pajjiż iżda għaliex iweġġgħu n-negozji u l-professjonisti. Għandu jkun garantit li l-liġijiet Maltin ikunu l-aqwa biex jattiraw l-investiment lejn Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia kompla li għal snin twal Malta kellha reputazzjoni eċċellenti fejn kien stabbiliti li n-negozju ma kienx maħkum mill-klikek b’suq miftuħ.

Il-pajjiż għandu mument storiku li jbiddel u jittrasforma billi jattira investiment serju u mhux l-importazzjoni tal-prekarjat, sostna Adrian Delia, li kompla li l-għażliet m’għandhomx jibqgħu f’idejn il-prim ministru biss.

Fl-aħħar snin min kellu id-dmir kostituzzjonali li jħares liż-żgħar naqas mir-responsabbiltajiet tiegħu fosthom l-Avukat Ġenerali li kellu obbligu li jara li jttieħdu passi kontra minn jonqos u li jipproteġi lill-kostituzzjoni waqt li jipproteġi liż-żgħir. Kieku sar dan, l-isptarijiet ma kienux jinsterqu lill-poplu.

Hemm bżonn mhux biss ir-rieda tal-Oppożizzjoni iżda wkoll tal-Gvern, sostna Adrian Delia.