Lokali

Bżonn ta’ djalogu soċjali veru mal-unjins kollha u trasparenza fis-settur edukattiv – PN

Hemm bżonn urġenti ta’ djalogu soċjali veru mal-unjins kollha u trasparenza fis-settur edukattiv, speċjalment f’dan il-mument straordinarju minħabba l-pandemija tal-COVID-19.  Dan stqarru l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti tal-Union of Professional Educators (UPE).

Bernard Grech saħaq li l-għalliema kienu kapaċi jaddattaw rwieħhom biex jibqgħu jedukaw lit-tfal u ż-żgħażagħ, minkejja r-restrizzjonijiet soċjali li qed jitħaddmu u dan ħaqqhom ġieħ u rispett. Huwa tenna l-appell li l-Gvern jikkomunika regolarment mal-għalliema u mal-unjins li jirrapreżentawhom.

Matul il-laqgħa, l-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone spjega kif il-unjin hija waħda żagħżugħa li qed tikber ukoll fl-ammont ta’ membri. Huwa spjega kif il-UPE trid li jkun parteċipi fid-diskussjonijiet iżda jaffaċċjaw ukoll ostakli fosthom l-aċċess fl-iskejjel meta jiġu mċaħħda mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, minkejja li għandhom dritt. Huma spjegaw kif fl-aħħar snin seħħew għadd kbir ta’ tibdiliet f’daqqa fis-settur edukattiv u dan wassal għal inċertezza fost l-għalliema.

Għal din il-laqgħa jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN Bernard Grech kien hemm preżenti l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli, l-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Ivan Castillo u l-membru tal-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) Stefano Zammit filwaqt li d-delegazzjoni tal-UPE kienet magħmula mill-Kap Eżekuttiv Graham Sansone u mis-Segretarja Ġenerali Rebecca Vella Cachia.