Internazzjonali

Ċipru jissospendi l-iskema tal-bejgħ ta’ passaporti li jippermettu għal ċittadinanza tal-UE

It-Tmexxija f’Ċipru qed tissospendi skema li tagħti ċ-ċittadinanza  — minbarra li tiggarantixxi l-ivvjaġġar mingħajr visa fid-diversi Stati tal-Unjoni Ewropea — lill-barranin li jinvestu minimu ta’ żewġ miljun ewro f’dan il-pajjiż.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġurnalisti tal-Istazzjon Al Jazeera ġibdu l-filmati ta’ uffiċjali Ċiprijotti qed jużaw l-iskema biex jgħinu lil Ċiniż b’rekord kriminali li kien qed jilgħabha ta’ negozjant ewlieni.

Is-sospensjoni tidħol fis-seħħ il-ġimgħa d-dieħla b’wieħed mill-uffiċjali li nqabad fuq il-filmat ikun l-Ispeaker tal-Parlament Ċiprijott Demetris Syllouris.

Intant, Syllouris – li hu t-tieni l-ogħla uffiċjal f’Ċipru — qal li beħsiebu jwarrab mill-kariga ta’ Speaker sakemm titlesta l-investigazzjoni.

Il-Gvern ta’ Ċipru ħabbar is-sospensjoni tal-iskema għall-passaporti wara laqgħa ta’ emerġenza f’Nikosija. Dan meta Ċipru, li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, l-istess bħal Malta, s’issa provdiet passaporti lil persuni minn barra l-Unjoni Ewropea li impenjaw ruħhom għal investimenti sostanzjali f’din il-Gżira Stat.

Il-Kummissjoni Ewropea, matul is-sena li għaddiet, kienet wissiet lill-Istati membri biex iżidu s-sorveljanza għaċ-ċittadini ta’ Stati li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni Ewropea li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza ta’ pajjiż-membru tal-Unjoni bis-saħħa ta’ investimenti partikulari.

L-Unjoni Ewropea qed tkompli tisħaq, intant, li l-programm għall-bejgħ tal-passaporti jista’ ikun abbużat u użat għall-evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus.

Dan meta l-applikanti għal ċittadinanza Ċiprijotta, sa ftit jiem ilu, setgħu jilħqu t-tragward – li effettivament ifisser ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – mingħajr qatt ma kienu residenti f’Ċipru.