Internazzjonali

Greċja-Turkija: Ikompli d-diżgwid dwar vapur kontroversjali

Il-Gvern tal-Greċja qed jirrifjuta li jissieħeb f’taħditiet mat-Turkija dwar ‘proġetti ta’ esplorazzjoni’ dment li l-bastiment Tork ‘Oruc Reis’ – li jintuża f’missjonijiet ta’ riċerka – jibqa’ preżenti fl-ibħra kontinentali tal-Griegi.

Il-bastiment ilu joħloq id-diżgwid bejn il-pajjiżi, bil-kelliema f’Ateni jgħidu li se jżommu lura mill-kuntatti ma’ Ankara dment li s-sitwazzjoni tibqa’ l-istess.

Il-Greċja, fil-bidu tal-ġimgħa qalet li d-deċiżjoni tat-Torok biex jibagħtu l-bastiment viċin il-gżira ta’ Kastellorizo, qrib il-kosta tat-Turkija, għandha titqies bħala ‘eskalazzjoni kbira tas-sitwazzjoni’ u ‘theddida diretta għall-paċi fir-reġjun’.

It-Turkija, ix-xahar li għadda, kienet irtirat il-bastiment mill-ibħra polemikużi fil-lvant tal-Mediterran biex ‘tippermetti għad-diplomazija’. Dan qabel kien sar summit tal-Unjoni Ewropea li fiha kienu diskussi sanzjonijiet potenzjali fil-konfront ta’ Ankara.