“Hija daħqa u farsa li l-Gvern se jiftaħ dan l-istaġun.”
Hekk stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Malta, Mark Sultana, meta t-Tlieta indirizza konferenza tal-aħbarijiet fuq it-taraġ ta’ Kastilja dwar il-mod kif il-Gvern għandu l-ardir jisfida mill-ġdid sentenza tal-Qorti Ewropea fuq il-ftuħ tal-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana…. bi ksur tad-Direttivi Ewropej.
“Aħna qed inħarsu lejn l-affarijiet legali ukoll. Tridu tifhmu li aħna għaqda mhux governattiva, iġifieri r-riżorsi huma li huma, però żgur li qed nindunaw li rridu nibdew nużaw il-Qorti aktar u aktar.”
Birdlife iddeskrivew id-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern bħala waħda kompletament surreali u xprunata minn skużi fjakki u stupidi għall-skopijiet elettorali.
“Diġà għandna każ għaliex il-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri li qed jamministra liġi li m’għandux dritt jamministraha, infatti tgħajjat lill-Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia. Tant għandna raġun, li kwalunkwe avviż legali li ddeċieda u kiteb Clint Camilleri, kellu jiffirmaha l-Ministru Farrugia.”
Għas-Segretarju Ġenerali tal-Birdlife, Saviour Balzan, li ukoll indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, dan hu pass li jkompli jeqred l-ambjent Malti.
Dan ftit jiem biss wara li l-Gvern ta l-imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa lil parti selettiva mill-komunità ta’ kaċċaturi fil-pajjiż, bil-Birdlife ma teskludix tieħu azzjonijiet oħra f’dan ir-rigward ukoll kontra l-Gvern Laburista – deal li kien kritikat anke minn ghaqdiet ohra tal-kaccaturi.
“Fil-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa, li huma għaxar akbar mir-Riserva Naturali tas-Simar u l-Għadira, in-nies mhux se jkunu permessi li jidħlu.”
Mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni ta’ Ian Borg li dan li qed jgħid mhuwiex minnu, Mark Sultana qal li l-futur se jagħti raġun lill-Birdlife:
“Jien naħseb li ż-żmien se jtina raġun. Jien nistieden lin-nies kollha, li jmorru l-Miżieb u l-Aħrax, anki fi żmien l-istaġun tal-kaċċa, għax dawn huma postijiet publiċi.”
Dwar dan, il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia, tefa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni tal-għoti tal-imsaġar f’ħoġor il-Prim Ministru hekk kif kien irrappurtat jgħid illi jifhem ir-rabja tal-pubbliku fuq dan il-patt sigriet, meqjus bħala wieħed ġustifikat, iżda kien marbut li jimxi mad-deċiżjoni kolleġġjali tal-kabinett.
Dan bil-kontra ta’ sieħbu fuq id-distrett, il-Ministru Ian Borg, li t-Tnejn ddefenda bil-qawwa kollha din id-deċiżjoni baxx baxx tal-Gvern u anki l-fatt li l-iffirmar sar mingħajr il-mezzi tax-xandir.
//= $special ?>