Lokali

“Hemm bżonn li niġbdu ħabel wieħed biex insalvaw setturi importanti” – Bernard Grech

“L-operaturi turistiċi m’għandhomx ikollhom iġorru problemi li ġab fuqhom l-aġir irresponsabbli ta’ Robert Abela meta kien ta l-impressjoni li l-imxija tal-COVID kienet għaddiet minn Malta.” Dan qalu Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa li hu kellu ma’ rappreżentanti tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA).

Bernard Grech qal li iktar minn qatt qabel hemm bżonn direzzjoni ċara u li nerġgħu ndaħħlu fin-nies ir-responsabbilta’ ċivika li niġbdu flimkien l-istess ħabel biex setturi importanti bħalma hu dak tat-turiżmu jerġgħu jirpiljaw u jkomplu jiġġeneraw il-ġid. Huwa qal li bħala pajjiż irridu naraw x’miżuri jeħtieġ li nesploraw sabiex insiru iżjed attraenti  mhux biss bil-prodott lokali li baqa’ wieħed ta’ kwalita’. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna jrid ikun f’pożizzjoni li joffri l-aqwa sigurta’ lit-turisti u ntuhom is-serħan tal-moħħ li jwassal biex huma  jibqgħu jagħżlu lil Malta għall-btala tagħhom.

Bernard Grech qal li kull meta pajjiżi oħrajn ipoġġu lil Malta f’listi ta’ allerta, din tħalli impatt fuq is-settur turistiku lokali kif ukoll fuq l-ekonomija u għalhekk l-aġir tal-Gvern għandu impatt dirett fuq dan is-settur u fuq setturi oħrajn tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.  Huwa awgura li l-Gvern jibqa’ jwieżen lil dan is-settur matul dan il-perjodu diffiċli.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li huwa importanti li nsalvaw din l-ikbar industrija matul dan iż-żmien tal-pandemija u li l-Gvern jippjana l-futur ta’ din l-industrija għas-snin li ġejjin wara t-tmiem tal-pandemija. Huwa qal li pajjiżna jrid jibqa’ jassisti lil din l-industrija speċjalment jekk jinħoloq xenarju fejn il-virus jibqa’ preżenti magħna u jsir in-normalita’ l-ġdida.  Zahra qal li x-xitwa li ġejja se tkun waħda li se toffri sfidi kbar għall-operaturi lokali u s-sitwazzjoni preżenti hi li jeħtieġu l-għajnuna kollha possibbli sabiex jiġġeneraw ftit attivita’ ekonomika u biex ikunu jistgħu jsostnu lill-ħaddiema.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll temi oħrajn fosthom is-sussidju għas-salarji tal-ħaddiema, skemi sabiex jinżammu l-persuni li diġa’ għandhom l-esperjenza u l-għarfien tas-settur, is-sitwazzjoni tar-ristoranti u ġiet imfaħħra l-iskema tal-vouchers, proposta li kienet saret mill-Partit Nazzjonalista u li l-Gvern addottaha. Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat ippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-MHRA lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Kelliem għall-Industrija tal-Catering u Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone, l-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Ivan Castillo u l-membru tal-Forum tal-SMEs tal-PN (FSMEPN) Julian Galea, filwaqt li d-delegazzjoni tal-MHRA kienet magħmula mill-President Tony Zahra u mill-Kap Eżekuttiv Andrew Agius Muscat.