Lokali Parlament

Il-gvern waqqa’ l-livell fis-servizzi finanzjarji

  • Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li l-iskop tal-liġi dwar il-Provdituri ta’ Servizz lil Kumpaniji hi li jogħlew il-livelli tas-servizzi finanzjarji u għalhekk hu ttamat li l-persuni f’dan il-qasam mhux qed jintalbu jħallsu prezz tal-gvern li waqqa’ l-livell u naqas milli jimplimenta liġi li diġà kienet fis-seħħ waqt li naqas li jieħu azzjoni kontra politiċi jew persuni viċin il-politika li fuqhom kien hemm rapport tal-FIAU dwar allegat ħasil ta’ flus.

Dan wassal biex Malta tilfet ir-reputazzjoni tagħha u kienet ikkunsidrata bħala pajjiż ta’ riskju ogħli. Il-gvern issa qed jagħmel reazzjoni ta’ konvenjenza skont it-talbiet li issa qed jagħmel il-Moneyval minħabba r-rapport sottomess ftit ġimgħat ilu. Dawn l-isforzi jiswew ftit jekk il-gvern mhux se jagħmel dak kollu biex jimplimenta l-leġiżlazzjoni li tkun għaddiet mill-Kamra.

Mario de Marco tkellem dwar id-differenza bejn is-servizzi legali u s-servizzi kummerċjali fosthom ir-reġistrazzjonijiet tal-kumpaniji. Hu appella biex id-diretturi tal-kumpaniji u s-segretarji ma jitpoġġewx fl-istess kategorija. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm liġi li tiregola l-prattika tal-avukati.