Internazzjonali

Il-gwerra f’Nagorno-Karabakh: Akkużi dwar abbuż tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied

Il-Mexxejja tal-Armenja u l-Ażerbajġan akkużaw lil xulxin dwar abbuż ta’ ftehim għal waqfien mill-ġlied li ntlaħaq ftit tal-jiem ilu għal raġunijiet umanitarji. Il-ftehim kien intiż, fost oħrajn, biex irażżan il-ġlied dwar il-kontroll tar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh li ssarraf f’mijiet ta’ mejtin f’dawn l-aħħar ġimgħatejn.

L-uffiċjali Armeni-etniċi f’Nagorno-Karabakh qalu li t-total tal-militar (tagħhom) li mietu fil-konflitt tela’ għal aktar minn 540. Dan wara li l-aħħar waqtiet ta’ ġlied fir-reġjun qanqlu l-appelli tar-Russja u pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex l-Armeni u l-Ażeri jirrispettaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

L-Ażerbajġan qal li, mis-27 ta’ Settembru ‘il hawn, tilfu ħajjithom 42 ċivili Ażeri, b’206 jisfaw midruba. L-awtoritajiet f’Baku, iżda, ma qalu xejn dwar it-telf ta’ suldati.

Ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh hu rikonoxxut – fuq livell internazzjonali – bħala parti mill-Ażerbajġan, iżda, fl-istess ħin, hu amministrat mill-Armeni-etniċi.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied sponsorjat mir-Russja u li ntlaħaq fi tmiem il-ġimgħa kien intiż biex il-qawwiet Armeni-etniċi u l-Ażerbajġan ibiddlu l-priġunieri u l-katavri tan-nies li tilfu ħajjithom fl-agħar inċidenzi ta’ ġlied dwar Nagorno-Karabakh għal aktar minn 25 sena.

Fl-aħħar sigħat, il-ftehim kien qed jidher dejjem aktar fraġli, bil-Ministeru tad-Difiża Ażeri jsostni li l-qawwiet tal-Armenja kienu qed jibbumbardjaw it-territorji ta’ Goranboy, Terter u Aghdam fl-Ażerbajġan.

Il-kelliema Ażeri enfasizzaw li l-bumbardamenti kienu qed isuru ‘b’abbuż sfaċċat tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied umanitarju’ — u li l-qawwiet tal-Ażerbajġan kienu qed jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

Mill-banda l-oħra, l-Armenja qed tiċħad l-akkużi tal-Ażeri u, fl-istess ħin, akkużat lill-qawwiet tal-Ażerbajġan b’li qed ikomplu bl-azzjonijiet militari wara waqfa qasira. L-Armeni sostnew li l-Ażeri qegħdin jinsistu bl-isparar tal-artillerija ‘minn diversi direzzjonijiet’ – u meta fil-mira hemm diversi nħawi f’Nagorno-Karabakh, fosthom iz-zoni ċivili.

Is-sorsi indipendenti ma setgħux jikkonfermaw jew jivverifikaw l-allegati sparaturi tal-artillerija.

Sadanittant, il-konflitt f’Nagorno-Karabakh qed jibqa’ segwit minn barra, fost livell ta’ preokkupazzjoni akut.

Dan għaliex il-konflitt jinsab qrib in-networks tal-pipelines tal-gass u ż-żejt lejn l-Ewropa – u meta hemm possibbiltà li t-Turkija u r-Russja, ‘il quddiem, jispiċċaw involuti fil-ġlied. Ir-Russja għandha patt tad-difiża mal-Armenja waqt li t-Turkija hi alleata ewlenija tal-Ażerbajġan.