Lokali

Il-ħaddiema ta’ Steward Health Care qed isofru inġustizzja – PN

F’laqgħa li saret apposta bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-kelliem għas-saħħa Stephen Spiteri, s-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN), l-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) u l-UĦM Voice of the Workers, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema fis-Servizz tas-Saħħa, ħareġ ċar kif dawn il-professjonisti qed ikunu diskriminati u mhux qed igawdu mill-istess ħlasijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema l-oħra bħalhom impjegati tal-Gvern.

Il-Kap tal PN sema’ kif dawn il-ħadiema fil-qasam mediku, impjegati ta’ Steward Health Care, s’issa tħallsu madwar €3,600 inqas kull wieħed kif ukoll għandhom il-kundizzjonijiet tagħhom inferjuri għal dawk li bħalhom jagħmlu l-istess xogħol iżda huma impjegati tal-Gvern.

Għall-PN huwa inaċċettabbli u mhux se jieqaf qabel dawn il-ħaddiema jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt. Il-PN jfakkar fil-wegħda ta’ equal pay for equal work, li Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat għamel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, x’sar minnha dik l-għajta fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema?.

X’qed jagħmel Robert Abela sabiex bil-kontinwita’ li wiegħed hu, dawn il-ħaddiema jitħallsu daqs il-kollegi tagħhom fl-istess xogħol?. Saħansitra fil-laqgħa li kellu f’Ħal Balzan, Robert Abela wiegħed li l-Gvern Laburista mmexxi minnu se jibqa’ jħares il-ġustizzja soċjali!.

L-SĦPN u l-FPPN jfakkru li dawn il-ħaddiema qed jagħtu servizz impekkabbli fi żminijiet daqshekk diffiċli. Dawn il-ħaddiema bħal oħrajn qed jikru appartamenti minn buthom sabiex f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija, jnaqqsu r-riskju kemm minn fuq il-pazjenti tagħhom kif ukoll minn fuq familjari tagħhom.

Huwa għalhekk inaċċettabbli li dawn il-ħaddiema ta’ Steward, li l-Gvern qed iħallas miljuni kbar fis-sena, jibqgħu jkunu diskriminati u bi Steward tagħmel il-profitt minn fuq darhom. Il-PN mhux se joqgħod kwiet qabel dawn jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.

L-SĦPN u l-FFPN jħeġġu lill-unjins sabiex kif għamlet il-UĦM ma jibżgħux jitkellmu għad-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema u ma jħallu lill-ebda Gvern jew entita’ imħallsa minn flus il-poplu tiddiskrimina hekk mal-ħaddiema tagħha.