Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Il-Pulizija tifrex proposta tal-Partit Nazzjonalista f’aktar irħula

L-ewwel il-Gvern kien ivvota kontra li l-Pulizija jkunu fil-Komunità fil-Parlament imbagħad daħħalha baxx baxx xahrejn wara

Il-Korp tal-Pulizija firex il-proġett pilota li rnexxa, dik tal-Pulizija fil-Komunità, għal aktar irħula, proġett li nibet minn waħda mit-80 proposta tad-deputat Nazzjonalista, Robert Cutajar, li f’isem l-Oppożizzjoni kien kelliem tal-Kunsilli Lokali, għar-Riforma tal-istess Kunsilli.

L-għan tal-proposta tal-Oppożizzjoni kien li l-Pulizija tkun proattiva billi tipprevjeni milli reati kriminali jsiru b’aktar kuntatt viċin mar-residenti u l-komunità kummerċjali biex anki teduka filwaqt li tirrenja aktar is-sens ta’ komunità.

Iżda fid-diskors li għamel il-Ministru Byron Camilleri, fit-tnedija tal-estensjoni, huwa qal li kien joħlom li proġett bħal dan isir fiż-żmien li kien Sindku tal-Fgura iżda naqas milli jsemmi li hu flimkien mad-deputati kollha tal-Gvern kienu vvutaw kontra din il-proposta fir-Riforma tal-Kunsilli tal-Kunsilli Lokali fil-Parlament fi stadju ta’ kumitat u anki fil-plenarju, saħansitra meta ssejħet diviżjoni.

Iżda l-Gvern, wara li vvota kontrieha, madwar xahrejn wara l-vot irrealizza li kien żbaljat u nieda dan il-proġett pilota baxx baxx fil-Mellieħa permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet.

Tant kemm dan il-proġett pilota kien suċċess li l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, meta vara l-estensjoni, qal li ġiet emendata l-mission statement tal-Korp biex tirrifletti dan l-irwol il-ġdid tagħha.

Is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat, tkellem magħna fuq kif ir-residenti tal-lokalità tiegħu laqgħu din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista u l-impatt li ħalliet fuqhom:

“Hija proposta importanti immens. Kienet proposta tajba ħafna li kif nafu, il-Gvern Laburista kien skarta u baxx baxx daħħalha. Nista’ ngħid li ħalliet effett tremend u pożittiv ħafna fil-lokalità. In-nies huma kuntenti. Il-fatt li dawn jipprevjenu, b’mod proattiv, milli jsir l-att vandalu u dak li hu ħażin, in-nies qed tħossha aktar sigura u komda fid-dar. Aħna kuntenti li minkejja li tard, imma l-Gvern daħħalha.”

Din il-proposta anki rat titjib fil-preżenza u l-integrazzjoni tal-Pulizija mal-komunità, kif spjega s-Surġent, Antonello Magri, li qed imexxi t-tim ta’ Pulizija fil-Fgura.

“L-irwol huwa differenti żgur. Ilna għal dawn l-aħħar xahrejn u nofs li bdejna dan il-proġett. Qabel tkun qisek qiegħed fl-Għassa, li jinqala’, se toħroġ fuq il-każ. Din id-darba qegħdin hawnhekk, nagħmluha aktar man-nies. In-nies qed isiru jafuna aħjar. Kważi kważi qed insiru ħbieb man-nies. Il-kunċett huwa differenti minn meta konna fl-Għassa.

Il-Pulizija, bħala punt ta’ referenza anki qed tilħaq lir-residenti permezz tal-mezzi soċjali u anki huma aċċessibli permezz ta’ numru tal-mobile għal kull Pulizija assenjat f’din l-iskema.

Apparti s-Swieqi, l-Fgura u l-Mellieħa, l-irħula li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-estensjoni huma l-Imdina, Pembroke, ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Marsaxlokk, Birżebbuġa, il-Furjana u l-Belt Valletta, bil-pjan tal-Korp hu li testendi l-iskema sa terz tal-lokalitajiet madwar il-pajjiż tant kemm il-poplu raha l-benefiċċju tal-proposta tal-Oppożizzjoni.