Sport Waterpolo

Marsaskala u Valletta jissieltu wkoll għar-rebħ tan-knock-out

Stewart Said

MARSAXLOKK BROWN’S…………… 9

MARSASKALA FISH AND FISH….. 10

(2-1), (2-4), (3-2), (2-3)

Wara li ċaħħduhom milli jilagħbu l-finali tal-play-off għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala Fish and Fish eliminaw lil Marsaxlokk din id-darba mis-semifinali tan-knock-out.

Ix-Xlukkajri sabuha diffiċli minħabba nuqqas ta’ konċentrazzjoni tattika u preċiżjoni fix-xuttijiet. Marsaskala fuq in-naħa l-oħra rnexxielhom jirkupraw wara bidu ħażin fit-tielet sessjoni.

Marsaxlokk kellhom vantaġġ ta’ 2-1 fi tmiem l-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Rainier Scerri u Matteo Cacici. Marsaskala wettqu reazzjoni mill-aqwa fit-tieni sessjoni u permezz ta’ Paul Privitera (penalty), doppjetta ta’ Kyle Navarro u Luca Felice ħadu vantaġġ ta’ 5-2.

Marsaxlokk donnhom stenbħu u wara li Benji Lanzon u Kyle Cremona naqqsu d-distakk fit-tieni sessjoni, it-tim ta’ Joe Cremona kiseb il-vantaġġ fil-bidu tat-tielet sessjoni. Dan permezz ta’ ġmiel ta’ gowl mid-distanza ta’ Timmy Agius u doppjetta ta’ Luke Saliba, gowls li kollha waslu minn pożizzjoni ċentrali.

Marsaskala rkupraw l-iżvantaġġ doppju sa tmiem it-tielet sessjoni u wara li Benji Lanzon skorja mis-centre, doppjetta ta’ Matthew Chircop u gowl ta’ Kyle Navarro taw vantaġġ ta’ 10-8 għat-tim ta’ Arpad Babay. Otis Zammit naqqas id-distakk lejn it-tmiem u laqat il-lasta fl-aħħar azzjoni Xlukkajra.

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Portelli, M. Martellacci, L. Saliba (2), T. Agius (1), B. Lanzon (2), K. Cremona (1), R. Scerri (1), M. Cacici (1), O. Zammit (1), F. Buhagiar

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), P. Privitera (1), M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro (4), M. Manara, L. Felice (1), M. Chircop (2), R. Attard, D. Camilleri, A. Muscat, N. Gatt, L. Grech Carr

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri

VALLETTA IZIBET……… 16

TA’ XBIEX…………………….. 6

(2-3), (4-1), (4-1), (6-1)

Kif mistenni, iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Valletta IZIBET se jilagħbu l-finali tan-knock-out b’rebħa kontra ż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex. Il-Beltin li kienu mingħajr Edward Aquilina, kisbu r-rebħa aktar ma mmaturat il-logħba wara bidu kajman.

Fil-fatt wara l-ewwel gowl ta’ Niki Lanzon, Ta’ Xbiex marru 3-1 fil-vantaġġ. Lanzon fl-ewwel sessjoni u Daniel Paolella fit-tieni sessjoni, għamlu l-iskor indaqs sakemm penalty ta’ Mark Carani reġa’ poġġa lil Ta’ Xbiex minn fuq. Fl-aħħar żewġ minuti tat-tieni sessjoni, Valletta dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Lanzon u Michele Stellini.

Fit-tielet sessjoni, Valletta fl-assenza tal-kowċ Srdjan Lazarevic, ħadu r-riedni tal-logħba tant li aċċertaw mir-rebħa. Fl-aħħar sessjoni, il-Beltin komplew jiddominaw hekk kif ħadu vantaġġ mill-għajja tal-avversarji, b’Miguel Zammit jispikka bi tripletta.

Valletta: R. Sciortino, P. Borg (2), M. Stellini (2), A. Agius, R. Mock, D. Paolella (1), A. Bianchi (1), N. Farrugia, M. Zammit (4), K. Galea, N. Lanzon (6), T. Micallef

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, M. Mifsud, R. Greco (1), D. Rizzo, F. Cutajar, M. Demarco (1), M. Carani (2), N. Saliba, K. Borg, G. Sammut (1), N. Schiavone, S. Azzopardi, M. Farrugia, J. Saliba (1)

Referees: Massimo Angileri, Peter Balzan