Budget 2021 Ekonomija Lokali

Negozji Maltin b’inċertezzi għall-futur; x’se joħroġ fil-Budget 2021?

Ftit jiem biss ‘il bogħod mill-Budget 2021 – budget li se jiġi preżentat f’ambjent ta’ inċertezzi għan-negozji Maltin u Għawdxin.

Waqt il-programm NETLIVE li xxandar it-Tnejn, il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber tal-SMEs Abigail Mamo esprimiet il-preokupazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni preżenti li qed jaffaċjaw numru ta’ negozji u ħwienet żgħar.

“Bħalissa naħseb nista’ ngħid li hawn inċertezza totali,” qalet Abigail Mamo. “Inċertezza fuq il-preżent. Inċertezza fuq il-futur. Hi sitwazzjoni li ilna nissaportu ħafna. Bħalma int tgħid ħa nissaporti xahar, ħa nissaporti xahrejn. Imma issa qed ngħidu li ersaqna lejn sena.”

Il-Budget li jmiss hu wieħed straordinarju kemm minħabba l-pandemija u anke għall-fatt li ħwienet żgħar kienu ilhom minn tmiem is-sena 2019 f’inċertezza minħabba l-klima politika.

“In-negozjant illum l-ikbar problema li għandu hi l-inċertezza,” qal l-Imprenditur u eks Deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo. “Kollha nafu wkoll li 20% tal-gdp ta’ dan il-pajjiż jiġi mit-turiżmu. It-turiżmu hu inċertezza kbira. Allura jien nippretendi budget li se jibda jgħati ċertu ammont ta’ garanzija għal dak li jissejjaħ business continuity.”

Ivan Bartolo għamel referenza għal pre-budget document li nieda l-Partit Nazzjonalista fejn hemm għadd ta’ punti li għandhom jiġu kkunsidrati …u li bla dubju jistghu jgħinu lin-negozji.

“L-ewwel ħaġa li jrid isir hu kif se nkunu qed ngħatu aċċertazzjoni li se nżommu l-impjieg għaddej u dak li intilef nipprovaw nerġgħu nġibuh lura,” qal Ivan Bartolo. “X’se jkun hemm f’dan il-budget biex jgħati s-sapport lill-SMEs fejn għandu x’jaqsam l-investiment? X’se jsir fuq tax relief u kif se noħolqu l-cash flow għan-negozji tagħna ż-żgħar? U fl-aħħar irid ikollok il-master plan. Il-master plan hu l-futur.”

Il-Budget għas-sena d-dieħla se jiġi preżentat fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej.