Żagħżugħ ta’ 28 sena li kien dipendenti mid-droga sa minn mindu kellu 14-il sena għeleb dan il-vizzju meta sar konxju li kien se jsir missier. Stuart Piscopo mill-Isla, bi trabba f’ambjent tajjeb kien beda jabbuża mid-droga wara l-mewt ta’ missieru. Telfa li ħassa mmens.
Dan irriżulta minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell fejn sentenza ta’ tliet xhur ħabs mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Stuart Piscopo ġiet konverta għal waħda ta’ tliet xhur ħabs sospiżi għall-perjodu ta’ sentejn.
Huwa kien instab ħati li biegħ qartas droga lil kuġintu li kienet intilfet minn sensiha f’Ħal Safi meta kienet fil-preżenza ta’ ġuvni ieħor. Minkejja li l-appell li sar mid-difiża kien konċentrat ħafna fuq l-ammissibilità tal-isqarrijiet tiegħu ta’ kuġintu u l-ġuvni li kienet miegħu fil-jum li nstabet mixħuta mal-art, il-Qorti ffokat biss fuq kif Stuart Piscopo huwa bniedem riformat għall-aħħar.
L-appell ta’ Stuart Piscopo ikkonċentra fost affarijiet oħra fuq meta t-tliet persuni taw stqarrija lill-Pulizija meta ma kienux assistiti minn avukat ta’ fiduċja tagħhom.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera filwaqt li qalet li bejgħ ta’ droga huwa reat ta’ min jistmerru, wieħed irid jieħu kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi. Żagħżugħ li kien dipendenti mid-droga għal snin twal u li llum huwa bniedem mibdul għall-aħħar.
Stuart Piscopo kien arrestat fuq reat li kien seħħ fil-lejl tal-14 ta’ Frar tal-2009. Fejn il-bandli ta’ Ħal Safi Chanelle Piscopo kienet spiċċat mixħuta mal-art ħdejn karozza.
Flimkien ma’ din it-tfajla kien hemm Amadeo Pace, sid karozza VW Golf li beda jagħtiha l-għajnuna permezz tal-first aid u beda jxarbilha wiċċha. Minn tfittxija tal-Pulizija fuq iż-żewġ persuni ma nstab xejn illegali. Iżda fil-karozza kien hemm handbag li fih instabet biċċa raża tal-kannabis fil-foil.
Fl-istqarrija tagħhom Chanelle Piscopo u Amadeo Pace kienu qalu kienu xtraw biċċa raża tal-kannabis mingħand Stuart Piscopo. Qalu li kienu ftehmu miegħu biex jiltaqgħu fejn il-Knisja tal-Isla, ħallsuh €25 u marru biex jikkonsmawha f’post ieħor.
Kienet l-idea ta’ Pace li jixtru l-kannabis u meta staqsa lil Chanelle Piscopo, li dan iż-żmien kehha 16-il sena, hija qablet miegħu. Hu kien beda jċempel lil xi nies biex jixtri, imma ma sab lil ħadd u staqsa lilha jekk tafx lil xi ħadd. Hi kellmet lil kuġinuha li qalilha li kellu.
Victor Buttigieg, dak iż-żmien Maġġur fil-Korp tal-Pulizija xehed fil-Qorti li kien xogħol l-Għassa taż-Żurrieq u daħlet telefonata anomina minn mara li qaltlu kien hemm tfajla mitluqa mal-art Ħal Safi.
Qal li mar ma’ Pulizija oħra fuq il-post u sab lit-tfajla tirremetti u li Amadeo Pace li kien qed ixarbilha wiċċha. Qal li ċemplu għall-ambullanza u fil-preżenza ta’ missierha ġewwa l-isptar Chanelle Piscopo qalet li ftehmet ma’ Amadeo Pace u marret id-dar tiegħu , xorbot żewġ tazzi imbid, u ftehmu ma kuġinuha biex jixtru d-droga.
Qalet li wara żewġ nifsijiet intilfet minn sensiha. Din kienet l-ewwel darba li ħadet id-droga. Amadeo Pace qal li mhux l-ewwel darba li hu kien ikkonsma d-droga.
Chanelle Piscopo għall-ewwel ma riditx tixhed fil-konfront ta’ kuġinuha bil-Qorti fis-sentenza tagħha tinnota li kemm il-verżjoni tagħha kif ukoll ta’ Pace ma kienux dejjem konsistenti.
Il-Qorti qalet ukoll li dan l-akkuża li r-reat twettaq fil-parametru ta’ 100 metru f’post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ ma treġix peress li Knisja mhux post fejn jiltaqgħu biss żgħażagħ.
Il-Qorti qagħdet fuq ix-xhieda mogħtija fil-Qorti ta’ kif żviluppaw l-affarijiet minn mindu Stuart Piscopo kien beda jabbuża mid-droga. Il-Qorti kkonfermat multa li kien weħel l-akkużat ta’ €700.
Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Scerri Herrera kkunsidrat ukoll il-kondotta netta tal-imputat, li kkopera mal-Pulizija u l-età tenera tiegħu. Dan ukoll wara li l-uffiċjal tal-Probation Rhona Custo kellmet lil ommu, l-oħtu u lit-tfajla tiegħu, u ħareġ li kellu trobbija tajba, pero l-aktar fattur li spikka kienet it-telfa ta’ missieru meta huwa kellu biss 14-il sena.
Kemm hu u l-familja tiegħu jatribwixxu d-dipendenza tiegħu mid-droga minħabba dan il-fatt u li kien beda jeħodha ta’14-il sena fejn qatt ma rrikora għal għajnuna professjonali.
Madwar disa’ xhur ilu meta kienet se titwieled bintu qata’ kompletament mill-vizzju u testijiet li saru fuqu għall-kannanis, eroina u kokaina kollha rriżultaw fin-negattiv.
Ilu f’relazzjoni stabbli għal dawn l-aħħar sentejn, u llum t-tarbija għandha erba’ xhur.. Għandu mpieg li ilu fih tliet snin u nofs u għandu sapport kbir mill-familja tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Johan J. Fenech.
//= $special ?>