Lokali Qorti

Raġel li kien fuq pleġġ fuq akkużi ta’ serq jiġi arrestat fuq serqa oħra

Raġel li kien bil-libertà proviżorja fuq serq inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie arrestat b’konnessjoni ma’ serqa oħra. L-akkużat ta’ 43 sena allegatament seraq €500 mingħand mekkanik fil-Marsa fis-7 ta’ Ottubru wara li għaljena lis-sid.

Huwa ġie arrestat wara li ġie identifikat minn xhieda li kienu fil-post u minn filmati tas-CCTV. Isem l-akkużat mhux qed jixxandar biex kemm jista’ jkun ommu li għandha kundizzjoni medika f’qalbha ma tkunx konxja mill-fatt li binha jinsab arrestat.

Ir-raġel minn Marsaskala ġie akkużat ukoll li kiser digriet ta’ libertà proviżorja preċedenti mogħti f’Ġunju u li kiser sentenza ta’ libertà kundizzjonata li ngħata s-sena ta’ qabel.

L-Avukat Joe Brincat f’isem l-akkużat qal li l-klijent tiegħu mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Huwa qal li l-akkużat jieħu ħsieb l-ommu, li hi anzjana u li f’saħħitha hija dgħajfa.

Iżda t-talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, fejn l-Ispettur Paul Camilleri spjega lill-Maġistrat Charmaine Galea li missier ir-raġel kien jgħix ukoll id-dar. Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-libertà proviżorja f’dan l-istadju.