Internazzjonali

Stati Uniti….Trump ikompli bil-kampanja elettorali fi Florida

Il-President Amerikan, Donald Trump, irritorna għall-kampanja elettorali meta qed jittama li jirbaħ mandat ġdid ta’ tmexxija fl-elezzjoni tax-xahar id-dieħel għall-Presidenza tal-Istati Uniti u fejn jeħtieġ jegħleb l-isfida tal-kandidat tal-Partit Demokratiku, Joe Biden.

Ir-ritorn ta’ Trump kien wieħed spettakolari, anqas minn ġimgħatejn wara li hu kien ittestja pożittiv għall-coronavirus. Il-President — li kien il-protagonista assolut ta’ rally li sar fl-ajruport ta’ Sanford, fi Florida – deher fuq tiegħu u entużjażmat waqt li indirizza lill-eluf miġburin dwar diversi temi familjari tal-kampanja tiegħu.

Donald Trump, fost oħrajn, ikkundanna l-pjani biex jiżdied iż-żmien tal-lockdowns relatati mal-coronavirus u li huma appoġġjati mir-rivali Demokratiċi. Intant, Joe Biden – li kien qed jitkellem f’Ohio – akkuża lil Trump dwar ‘aġir responsabbli’ mindu l-President ħareġ mill-isptar u f’sitwazzjoni fejn ħafna mill-partitarji fi Florida ma kenux lebsin il-maskri.

L-istħarriġ ta’ opinjoni jissuġġerixxi li Joe Biden għandu vantaġġ ta’ għaxar punti perċentwali fuq Trump fuq bażi nazzjonali – iżda l-Istat ta’ Florida għandu jħoll u jorbot f’jum l-elezzjoni.

Donald Trump hu konxju mill-importanza ta’ Florida fejn kien rebaħ bi ftit fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016 u meta rebħa oħra għalih f’dan l-Istat jista’ ikun kruċjali fit-tellieqa ma’ Biden. Dan peress li Florida, Kalifornja u Texas huma l-aktar stati importanti f’termini ta’ voti elettorali li jiddeċiedu l-Presidenza.