Qalb id-dellijiet suwed u griżi fit-tpenġijiet bil-faħam, Joseph Farrugia prezenta kollezzjoni ta’ 30 tpenġija li ilu jaħdem fuqhom fl-aħħar 3 snin li jitfghu dawl fuq il-problemi tal-pajjiż, bit-tema ewlenija jkun “il-gardell”.
Dan l-għasfur żgħir… iżda b’tifsira metaforika rikka… jirrappreżenta l-ħila u l-persistenza li tisfida dak kollu li jkun ġej kontrik, għaliex l-għasfur jiekol iż-żrieragħ mix-xewk ta’ dik li xi darba kienet kuruna; għasfur li jwissi fuq il-futur minn qabel.
Net News tkellem ma’ Joe Farrugia dwar is-sinifikat ta’ din l-esebizzjoni, li qed issir flimkien mal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia.
“Il-gardell huwa l-ispirtu tal-ġurnaliżmu filwaqt li l-gaġġa hija r-refuġja tal-ġurnalist li għalkemm huwa priġunier fiha, ħadd ma jista’ jilħqu f’dak l-ispazju tiegħu. (…) Tliet snin wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, qed naraw li anki jekk forsi wieħed ma kienx jaqbel mal-istil ta’ kif kienet tikteb, il-veritajiet ta’ dak li kienet issemmi fil-blog tagħha qed narawhom illum u iktar mhu qed jgħaddi żmien, iktar qed joħorġu stejjer li qegħdin jtuha raġun.”
Farrugia spjegalna ukoll għalfejn għażel li jpinġi bil-faħam:
“L-użu tal-faħam hu biex juri l-gravità tal-assassinju tagħha, kemm hi kerha din l-esperjenza li għaddejna minnha, u sa ċertu punt għadna għaddejjin ukoll. Allura ħassejt li ma kienx xieraq li jidħol kulur f’dawn ix-xogħlijiet ħlief fi ftit li għamilt lejn l-aħħar li jindikaw li hemm xaqq ta’ tama li toħroġ il-verità kollha.”
Intant, f’messaġġ fil-ktejjeb maħruġ ghal din l-okkazjoni, il-ko-fundatur tal-Fondazzjoni…. Paul Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata, qal li esebizzjonijiet bħal dawn huma parti minn sforz kollettiv biex jitfghu dawl fuq il-forzi tad-dlam li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.
Paul saħaq li dawk li qatlu lil ommu kif ukoll dawk li għattewlhom ħasbu li Daphne kienet l-unika sors iżolat ta’ dawl…u allura ma ħablux rashom fuq il-Pulizija, il-Maġistrati jew il-kumplament tal-membri tal-istampa.
Dan mingħajr ma ntebħu li l-Maltin xegħlu xemgħa qalb dawn il-forzi tad-dlam.
//= $special ?>