Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li spara fl-Isla fuq tfajla li hija ‘wanted’

Żagħżugħ ta’ 29 sena inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmane Galea li nhar il-Ħadd li għadda spara żewġ tiri fuq l-eks tfajla tiegħu fl-Isla, li tinsab fil-lista tal-‘wanted’ mill-Pulizija.

Il-Pulizija għada qed tfittex l-allegata vittma li ilha nieqsa minn dak inhar tal-inċident. Melvin Debono ġie mixli fil-Qorti b’diversi reati iżda mhux dik ta’ attentat ta’ qtil.  Dan peress li l-Pulizija m’għandhomx il-prova ewlenija tat-tfajla għal mod kif seħħ l-inċident.

Debono ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid ġie mixli li spara żewġ tiri permezz pistola moderna Walther P99 (ritratt) fuq it-tfajla ta’ 23 sena waqt argument fi Triq iż-Żewġ Mini.

Il-pistola nstabet fil-Mercedes ta’ Debono. Il-Pulizija sabet ukoll bagoll tal-ħadid u ‘l fuq minn €18,000 fi flus kontanti fil-vettura. Il-Maġistrat Ian Farrugia qed imexxi l-inkjesta dwar l-isparaturi.

Meta tresssaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Debono wieġeb mhux ħati tal-akkużi li kienu jinkludu l-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, li naqas milli jinforma lill-Pulizija li l-arma kienet ġiet fil-pussess tiegħu, li ġarr arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat, attakka lit-tfajla, li heddidha, li uża l-arma tan-nar f’żona abitata u kiser il-libertà proviżorja.

L-Ispettur Clayton Camilleri, li flimkien mal-Ispettur Audrey Micallef  qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni qal li l-Pulizija rċevew rapport ta’ tiri li ġew sparati fi triq wara argument jaħraq.

Il-Pulizija marru fuq il-post u ċċirkonaw lill-akkużat. Fil-karozza tiegħu nstabet pistola u €18700 fi flus kontanti. Fil-post instabu wkoll fdalijiet tal-balal, bil-projettili tagħha nstabu ukoll fil-ħajt ferm il-bogħod.

Il-vittma ma nstabitx fuq il-post, qal Camilleri. L-avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri, qalu lill-Qorti li l-klijent tagħhom mhux ħati u għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest.

Franco Debono rrimarka li mill-11-il akkuża, ħamsa kienu kontravenzjonijiet u erba’ oħra huma alternattivi għal xulxin. “Fl-akkużi l-oħra, lanqas biss jeżistu ġrieħi. Għandna akkuża fuq atttakk fuq l-allegata vittma, li ma sofriet l-ebda ġrieħi. Imbagħad hemm akkuża dwar il-pussess ta ‘arma. dan mhux ostaklu biex wieħed jingħata l-ħelsien mill-arrest.”

Debono kompla jgħid li l-klijent tiegħu kien lest li jobdi kull kundizzjoni imposta mill-Qorti. L-Ispettur Camilleri oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, bl-argument li l-akkużat spara tiri f’żona abitata u li għad hemm nies li jridu jixhdu. “Aħna ma esaġerajniex f l-akkużi,” qal il-Prosekutur.

Il-Qorti f’dan l-istadju, waqt li nnutat li waħda mill-akkużi kienet ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u fid-dawl tal-fatt li l-allegat vittma għada ma tkellimx mal-Pulizija u għad trid jixhed, ċaħdet il-libertà proviżorja.